Lokali Sport

L-isportivi tagħna jixirqilhom aktar investiment b’serjetà – PN

Gvern Nazzjonalista se jkompli jagħti lill-isportivi l-faċilitajiet li jixirqilhom

Filwaqt li jilqa’ l-aħbar li l-Kumpless Akkwatiku ta’ Għawdex sa fl-aħħar infetaħ, il-Partit Nazzjonalista jqis li dan il-kumpless messu ilu li beda jitgawda mill-għawwiema u sportivi akkwatiċi.

Il-kumpless li nfetaħ fl-aħħar jiem ilu ġej mat-tmien snin u l-Gvern spiċċa nefaq €10,000,000 f’fondi pubbliċi aktar milli kien qal li se jonfoq.

Ix-Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u l-Isport David Agius u x-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini qalu fi stqarrija li l-investiment fl-isport huwa importanti imma jrid ikun wieħed trasparenti u mhux proċess li jħalli ħafna dubji dwar kif u fejn intefqu flus il-poplu li suppost marru f’dan l-investiment.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fl-importanza tal-investiment fl-isport. Dejjem għamel dan, u dejjem investa f’kumplessi importanti bħalma huma l-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, is-Centenary Stadium f’Ta’ Qali, il-Millennium Stand, il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-Kumpless ta’ Ħal Kirkop, u l-Matthew Micallef St John Athletics Stadium. Investa ħafna wkoll fil-Gozo Stadium li tul is-snin sarlu xogħol intensiv ta’ titjib.

F’pajjiżna għandna sportivi li jagħmlulna unur f’kompetizzjonijiet internazzjonali fid-diversi oqsma, madankollu l-kisbiet tagħhom jiddependu ħafna fuq il-faċilitajiet li nipprovdulhom u r-riżorsi li nagħtuhom.

Gvern ġdid Nazzjonalista, bħalma dejjem għamel, se jinvesti b’serjetà biex dawn l-isportivi jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom, ikomplu jagħmlu suċċess fil-karriera sportiva u jkomplu jagħmlu unur lil pajjiżna.