Internazzjonali

L-UE ittawwal b’sitt xhur is-sanzjonijiet għall-individwi u entitajiet tar-Russja

L-Unjoni Ewropea qablet biex ittawwal, għal sitt xhur oħra, is-sanzjonijiet għal aktar minn 2,500 individwu u entitajiet akkużati li appoġġjaw l-invażjoni militari tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja. L-istess individwi u entitajiet huma wkoll akkużati dwar azzjonijiet li marru direttament kontra s-sovranità u l-ntegrità tal-Ukrajna.

Il-‘lista s-sewda’ tinkludi lill-President Russu, Vladimir Putin u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergey Lavrov – minbarra diversi deputati, Ġenerali tal-Armata, negozjanti ewlenin, propagandisti u merċenarji.

Inkluż ukoll f’din il-lista hemm persuni ewlenin b’responsabbiltà għall-ħtif tat-tfal mit-territorji Ukreni li spiċċaw okkupati mill-qawwiet ta’ Putin. Reat tal-gwerra li jrid iwieġeb personalment għalih il-President tar-Russja nnifsu.

Id-deċiżjoni għat-tiġdid tas-sanzjonijiet ittieħdet ilbieraħ waqt laqgħa tal-ambaxxaturi fi Brussell. It-taħditiet, fil-fatt, kienu konklużi qabel il-15  ta’ Settembru – id-data legali għall-għeluq tal-validità ta’ dawn is-sanzjonijiet.

Qabel ittieħdet id-deċiżjoni, l-Ungerija u s-Slovakkja, membri tal-UE bis-simpatiji ma’ Putin, talbu biex jitneħħew ċerti ismijiet mil-lista s-sewda.

Wara diversi rawnds ta’ diskussjonijiet, kien deċiż li l-lista tibqa’ intatta għal raġunijiet politiċi. Dan waqt li numru ieħor mhux speċifikat ta’ persuni ma kenux inklużi fil-lista għal raġunijiet tekniċi.

Aktar kmieni fis-sena, id-Danimarka, li għandha l-Presidenza tal-UE, kienet ipproponiet biex is-sanzjonijiet għall-individwi u entitajiet Russi jkunu estiżi b’sena aktar milli bis-sitt xhur ‘tradizzjonali’. Dan bl-iskop li jkunu kontrollati aħjar l-opportunitajiet għall-intoppi mill-pajjiżi li jridu jeżerċitaw il-veto.

L-Ungerija u s-Slovakkja, fil-passat, użaw proprju d-dritt tal-veto biex iwasslu għall-konċessjonijiet, fost il-frustrazzjoni tal-Istati membri l-oħra tal-Unjoni. Iż-żewġ pajjiżi, fil-fatt, ilhom jikkritikaw bl-aħrax is-sanzjoinjiet kontra r-Russja, iżda fl-ebda żmien ma rnexxielhom jisfurzaw bidla konkreta f’din il-politika tal-UE.