Opinjoni

OPINJONI: Kap ġdid għall-Partit Nazzjonalista

Kmieni nhar il-Ħadd filgħodu Alex Borg ġie dikjarat bħala l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista wara r-riżenja ta’ Bernard Grech minn din il-kariga. Ir-riżultat dam ma ħareġ għaliex kif sar magħruf wara d-differenza bejn il-voti taż-żewġ kontestanti kienet waħda minima ta’ biss 44 vot. Għal Alex Borg ivvutaw 8,905 tesserat. Għal Adrian Delia ivvutaw 8,861 tesserat. Perċentwalment Alex Borg ġab iktar minn 50 fil-mija tal-vot: 50.1 fil-mija u għalhekk kien iddikjarat bħala l-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Riżultat li ntlaqa’ b’applawsi kbar mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista li baqgħu jistennew quddiem id-Dar Ċentrali. Ftit tal-ħin wara li ġie elett, Alex Borg ta l-ewwel messaġġ tiegħu fejn saħaq li kien ser jagħmel mill-Partit Nazzjonalista partit rebbieħ.

Joe M. Zahra

Elezzjoni ssir biex xi ħadd jirbaħ. Il-kontestant l-ieħor jitlef. Din hi d-demokrazija! Min jemmen fis-sistema demokratika jrid jaċċetta r-riżultat. Kif għamel Adrian Delia li minkejja li tilef b’biss 44 vot mhux talli aċċetta r-riżultat iżda feraħ lil Alex Borg għar-rebħa tiegħu. Hekk ikunu l-irġiel! Hekk ikunu n-Nazzjonalisti!
Alex Borg hu żagħżugħ ta’ 30 sena. L-iżgħar kap ta’ partit politiku li qatt kellha Malta. Ħareġ għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni ġenerali f’Għawdex u kiseb iktar min 6,000 vot – ammont ta’ voti li ġab iktar minnu biss il-kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Fl-aħħar elezzjoni għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali rebaħ lura lil Għawdex għall-Partit Nazzjonalista. Jirriżulta minn stħarriġ ta’ opinjoni li jsir minn żmien għal żmien li Għawdex żamm il-maġġoranza favur il-PN.

Riżultat li fixel lil-Laburisti
Il-kumment ta’ Robert Abela għall-ħatra ta’ Alex Borg kien li l-Partit Nazzjonalista hu maqsum fi tnejn. Iżda t-tnejn flimkien jagħmlu Partit Nazzjonalista wieħed, iktar f’saħħtu u determinat li jirbaħ għall-poplu kollu u mhux għal tal-klikka.
Xi ħaġa l-Laburisti jridu jgħidu! Għalhekk tajjeb infakkruhom li meta Joseph Muscat ikkontesta l-elezzjoni għall-mexxej tal-Partit Laburista kontra George Abela, missier Robert Abela, dan ma kisibx il-voti kollha. Dak iż-żmien il-Partit Laburista kien għadu jeleġġi l-mexxej tiegħu mill-Kunsill Ġenerali. 875 delegati tefgħu l-vot tagħhom. Kien hemm disa’ voti invalidi, astensjoni u 574 vot għal Joseph Muscat u 291 vot għal George Abela.
Meta kkontesta Robert Abela kontra Chris Fearne, biex skont Abela ma jħallix li jitwettaq pjan li sejjaħlu “imxajtan”, dawn bidlu s-sistema u għamluha bħal tal-Partit Nazzjonalista fejn jivvutaw it-tesserati kollha. F’dik l-elezzjoni Robert Abela ġab 9,342 vot u Chris Fearne 6,798 vot. Abela 57.9 fil-mija tal-voti u Fearne 42.1 fil-mija. Mela Abela ma kellux is-60 fil-mija tal-voti kif qed jallegaw li kellu dawk tal-“fake news”. Li qed jgħidu li Alex borg ma leħaqx.
Minn dawn iċ-ċifri joħroġ ukoll li fl-elezzjoni għall-kap tal-Partit Nazzjonalista vvutaw iktar tesserati milli vvutaw għall-mexxej Laburista. Fl-elezzjoni għall-kap tal-PN iż-żewġ kontestanti kisbu bejniethom 17,766 vot. Fl-elezzjoni għall-mexxej Laburista ż-żewġ kontestanti kisbu bejniethom 16,140 vot – 1,626 inqas milli kisbu l-kontestanti Nazzjonalisti!ż

Dejjem maġġoranzi żgħar
Il-Partit Laburista hu magħruf li jikseb maġġoranzi kbar. Iżda f’ħafna każi dawn ħadmu kontrih. Hekk ġara fl-1950 meta wara l-maġġoranza kbira li kiseb il-Partit Laburista mmexxi minn Pawlu Boffa fl-1947, Mintoff qasam il-partit u tefgħu fl-Oppożizzjoni għal ħames snin. L-istess seħħ fl-1958 meta b’maġġoranza kbira oħra li kiseb fl-1955 il-gvern Laburista rregala l-gvern u l-Kostituzzjoni lill-gvern Ingliż. Episodji oħra huma l-waqa’ tal-gvern Laburista fl-1998 wara biss 22 xahar u wara li Mintoff ivvota kontra l-gvern tiegħu stess dak Laburista. U l-għajta ta’ elezzjoni ġenerali sena qabel żmienha li Joseph Muscat sejjaħ f’nofs kriżijiet li ħoloq hu stess.
Għall-kuntrarju l-Partit Nazzjonalista ggverna dejjem b’maġġoranzi żgħar. Iżda ggverna tul il-leġiżlatura kollha li kien ikun għaliha tela’ anke jekk b’maġġoranza ta’ deputat wieħed.

Xmara ta’ ideat
Lura għal Alex Borg. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu programm qawwi li permezz tiegħu jrid jara li nirbħu l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Alex Borg irid li aħna lkoll nemmnu li dan hu l-mument tagħna li nistgħu ningħaqdu, insiru iktar f’saħħitna u nirbħu.
Biex nirbħu rridu niġbru lil dawk kollha ta’ rieda tajba f’moviment li permezz tiegħu nibnu Malta u Għawdex aħjar. Dan irid iseħħ permezz ta’ partit iktar inklussiv li jiftaħ il-bibien tiegħu għal dawk kollha ta’ rieda tajba. Irid isir billi jiġi ristrutturat il-Partit, jissaħħaħ ix-xogħol tal-membri parlamentari, tissaħħaħ il-midja tal-partit, jinbeda l-ewwel podcast immexxi mill-partit u fuq kollox li nkunu iktar qrib in-nies biex nikkonvinċuhom li l-Partit Nazzjonalista jista’ jkun gvern alternattiv.
Alex Borg qed jagħmel enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ fejn irid li dawn jibdew jaraw mill-ġdid il-Partit Nazzjonalista bħala d-dar naturali tagħhom.
Alex Borg irid ukoll jindirizza pjani biex żgħażagħ jaffordjaw jixtru djarhom, biex tispiċċa d-diskriminazzjoni fis-sistema pensjonistika u biex nieħu ħsieb bis-serjetà il-problema tal-popolazzjoni żejda li qed iġġib magħha problemi ta’ traffiku, indafa pubblika u saħħa.
Programm vast li jrid iwassalna għall-elezzjoni tiġi meta tiġi. Iżda anke għal dan qed jaħdem Alex Borg billi ser jara li jinħatar “campaign manager’ li jkollu l-kompitù li jiżviluppa l-istrateġija tal-Partit u t-tnedija ta’ eżerċizzju ta’ crowdfunding li jappoġġa l-kampanja elettorali.
Għandna fit-tmum tal-Partit Nazzjonalista bniedem żagħżugħ u mimli enerġija. Bniedem li rridu nappoġġjaw bil-ħidma tagħna. Għaliex issa hu Alex Borg li jirrappreżenta l-Partit Nazzjonalista. Li lkoll ngħożżu u rridu narawh jirbaħ mill-ġdid.

Biex nirbħu rridu niġbru lil dawk kollha ta’ rieda tajba f’moviment li permezz tiegħu nibnu Malta u Għawdex aħjar. Dan irid iseħħ permezz ta’ partit iktar inklussiv li jiftaħ il-bibien tiegħu għal dawk kollha ta’ rieda tajba.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 12 ta’ Settembru, 2025.