Il-Knisja Parrokkjali taż-Żebbuġ, Għawdex, żvelat il-pittura tas-seklu 16 tal-Immakulata Kunċizzjoni wara r-restawr tagħha – xogħol artistiku li juri lill-Verġni Marija liebsa kuruna bi tnax-il stilla tal-fidda, u wieqfa fuq nofs qamar.
Il-proġett ta’ konservazzjoni kien appoġġjat mill-Fondazzjoni Bank of Valletta, filwaqt li r-restawr ġie fdat lil Prevarti, taħt it-tmexxija tar-restawratur Pierre Bugeja, li b’xogħol metikoluż żvela s-sbuħija oriġinali ta’ din il-pittura permezz ta’ teknika avvanzata ta’ konservazzjoni.
F’isem il-Fondazzjoni BOV, Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta, stqarr, “Din il-pittura hi ferm iktar minn kuluri fuq it-tila. Hija xhieda ta’ fidi, valuri, identità u folklor. Skont il-folklor lokali, il-wiċċ radjanti tal-Verġni Marija jisfar u jitlef id-dija tiegħu qabel xi diżastru naturali. Jingħad ukoll li darba, meta xi korsari pruvaw jagħmlu ħerba mir-raba’ u waslu sat-tarf tar-raħal, dehret xbieha ta’ mara li tixbah l-immaġni li hemm fuq l-altar. Din bdiet titfa’ ġebel biex ixxejjen lill-għadu. Grazzi għal dan il-proġett ta’ konservazzjoni, dan ix-xogħol artistiku ntradd lura fi ħdan il-komunità, biex jitgawda kemm minn din il-ġenerazzjoni, kif ukoll minn dawk li għadhom telgħin. Fil-BOV, aħna kburin li nappoġġjaw proġetti li jipproteġu l-wirt kulturali ta’ Malta bħala parti mill-impenn kontinwu tagħna biex nagħtu lura lill-komunità b’mod ġenerali.”
Pierre Bugeja ta spjegazzjoni dwar il-proċess ta’ konservazzjoni f’dan il-proġett kumpless. “Dan kien restawr delikat, u li offra sfida. Il-pittura kienet iddeterjorat matul is-snin, bi xquq viżibbli, deformazzjonijiet fit-tila, u saff tal-verniċ li dallam il-pittura. Kien hemm ukoll ħsarat ikkawżati minn stilel miżjuda u kuruna li darba kienet tpoġġiet fuqha. Bl-użu ta’ teknika speċjali ta’ konservazzjoni, irnexxielna nsaħħu l-kulur, nirranġaw it-tila u nnaddfu l-pittura mis-saffi ta’ trab, verniċ ossidat u żebgħa li saret fil-passat jew żebgħa żejda. B’hekk stajna niżguraw li x-xogħol ikun strutturalment sod u fl-istess waqt bqajna leali lejn l-oriġinal.”
Il-Kappillan Dun John Sultana esprima r-ringrazzjament tiegħu lejn il-Bank u Prevarti, billi rrikonoxxa li, “Il-pittura tal-Immakulata Kunċizzjoni ilha simbolu ta’ devozzjoni għal bosta ġenerazzjonijiet ta’ parruċċani ta’ dan ir-raħal. Ir-restawr tagħha mhux biss iġedded xogħol artistiku iżda huwa wkoll parti mill-identità tagħna bħala komunità. Aħna ninsabu tassew grati lejn il-Bank of Valletta u Prevarti, li għamlu dan possibbli.”
Preżenti għaċ-ċerimonja, kien hemm ukoll Gordon Cordina, Chairperson tal-BOV, Antoinette Caruana mill-Fondazzjoni BOV u Charles Azzopardi, Kap responsabbli mis-CSR. Il-preżenza tagħhom enfasizzat aktar l-impenn tal-Bank biex jipproteġi l-wirt kulturali u artistiku ta’ Malta u Għawdex. Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Bank ikompli jonora r-responsabbiltà tiegħu lejn il-wirt Malti, u jappoġġja s-sostenibbiltà kulturali permezz tal-Fondazzjoni BOV bħala parti mill-impenn tiegħu lejn il-prinċipji tal-ESG.
