L-atleta Paralimpiku Malti Bradley Zerafa kompla javvanza fil-klassifika dinjija tal-Para Darts wara sensiela ta’ riżultati pożittivi miksuba f’kompetizzjonijiet internazzjonali organizzati minn World Para Darts.
Sal-aħħar ta’ Lulju 2025, Bradley Zerafa, li jikkompeti fil-kategorija wheelchairs, tela’ sal-ħames post fil-klassifika dinjija, minn total ta’ 63 kompetitur madwar id-dinja. Matul l-istaġun 2024/2025, Bradley Zerafa kiseb total ta’ 364 punt waqt li kkompeta f’għaxar tournaments internazzjonali fosthom kompetizzjonijiet fir-Renju Unit, il-Ġermanja, d-Danimarka, l-Ungerija u l-Belġju u f’ħames avvenimenti approvati minn World Para Darts, l-organizzazzjoni uffiċjali tal-Para Darts fid-dinja. Zerafa ġie tliet darbiet runner-up u darba fit-tielet post.
Il-Kumitat Paralimpiku Malti feraħ lil Bradley Zerafa għas-suċċessi tiegħu, u nnota li dawn ir-riżultati saħħew il-pożizzjoni tiegħu fil-klassifika dinjija tal-Para Darts. Għall-ewwel darba Bradley Zerafa daħal fit-top 5 wara li qabel kien laħaq it-top 10.
B’dawn ir-riżultati, Bradley kkwalifika għall-World Masters u l-Kampjonati Dinjija ta’ din is-sena bħala parti mid-WDF Darts Festival 2025 li se jsir f’Ottubru li ġej f’Budapest, l-Ungerija.
//= $special ?>