Fl-ewwel ġimgħa tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg indirizza żewġ laqgħat mal-Forum tal-Fergħat tal-PN u mal-Kumitati sezzjonali, fejn iddiskuta l-viżjoni tiegħu għall-partit u għall-poplu Malti u Għawdxi.
Waqt il-laqgħa mal-Fergħat tal-PN, Alex Borg, qal li b’determinazzjoni lkoll flimkien kapaċi jibni gvern alternattiv bl-użu tajjeb anke tal-fergħat… li jirriflettu l-ispectru kollu tas-soċjetà Maltija.
Dawn il-fergħat ukoll għandhom il-ħila li jikkonvinċu aktar nies jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista. Bil-Kap jinsisti li l-partit se jkun qiegħed jgħin lill-fergħat ikunu aktar proattivi permezz ta’ diversi inizjattivi.
Waqt iż-żewġ laqgħat, Alex Borg semma’ kif fil-kampanja biex ġie elett kap ġdid, ħareġ ċar kemm il-partit għadu ħaj u kemm hu qawwi l-element ta’ entużjażmu.
U issa, l-attenzjoni hi kollha fuq il-Partit Nazzjonalista, fuq x’se joffri ġdid u li jaħdem b’responsabbilta u b’għaqda kollettiva.




Anke mal-Kumitati Sezzjonali, Alex Borg tenna li n-nies iridu partit b’saħħtu għaliex huma għatxana li jaraw partit rebbieħ.
Fiż-żewġ laqgħat il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg spjega li hu qed iħares ‘il quddiem biex kulħadd jaħdem id f’id, għaliex għall-elezzjoni l-PN irid ikun tassew preparat.
Fuq kollox, Alex Borg appella lil kulħadd sabiex fl-20 ta’ Settembru, propju fil-mass meeting tal-Indipendenza, ikompli jitwassal dan il-messaġġ ta’ unità u determinazzjoni.
“Se nagħmel minn kollox biex nagħtikom partit magħqud, partit imsaħħaħ iżda fuq kollox partit rebbieħ”, saħaq il-Kap tal-PN fil-messaġġ tiegħu.
Intant, preżenti mal-Kap tal-PN kien hemm is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello u s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv Stefan Caruana.
//= $special ?>