Internazzjonali

EUROVISION 2026: Jheddu lill-EBU li mhux se jieħdu sehem fil-konkors jekk Iżrael ikun parteċipant

Il-Eurovision 2026 qed jaffaċċja kriżi politika hekk kif numru ta’ pajjiżi qed jheddu lill-EBU li mhux se jipparteċipaw f’dan il-konkors jekk Iżrael jitħalla jikkompeti.

L-għażla dwar jekk Iżrael għandux jitħalla jipparteċipa jew le ħolqot diviżjoni qawwija bejn pajjiżi membri tal-EBU, u filfatt l-Irlanda kien l-ewwel pajjiż li ħabbar uffiċjalment li mhux se jipparteċipa fil-Eurovision tas-sena d-dieħla, billi elenka n-numru xokkanti ta’ ħajjiet li sfaw maqtula f’Gaża, fosthom ġurnalisti.

L-Olanda, Spanja, Slovenja u b’mod aktar kawt l-Iżlanda wrew pożizzjoni simili jew esprimew dubji dwar l-involviment tagħhom. Dawn id-deċiżjonijiet jirriflettu pressjoni politika li dejjem qiegħda tikber biex l-istituzzjonijiet kulturali jżommu pożizzjoni ċara dwar kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem u etika internazzjonali.

L-EBU li torganizza l-Eurovision, tinsab f’sitwazzjoni delikata. Għandha regoli ċari li jgħidu li kull membru attiv għandu d-dritt jipparteċipa, iżda fl-istess ħin qed taffaċċja sejħiet qawwija biex tirrikonoxxi l-kuntest morali u l-valuri li jġibu magħhom il-pajjiżi parteċipanti.

Il-fatt li posponiet l-iskadenza għall-konfermi finali sa Diċembru jindika li l-organizzazzjoni għadha qed tfittex kompromess, iżda kull deċiżjoni tista’ ġġib konsegwenzi serji.

Il-konkors, li għandu jsir f’Mejju li ġej fi Vjenna, jista’ jsofri daqqa kbira kemm f’termini ta’ reputazzjoni kif ukoll ta’ udjenza jekk diversi pajjiżi jagħmlu kif qed jingħad. Każ simili ta’ dan filfatt, diġa seħħ fl-imgħoddi, fejn lra fl-2022, l-Eurovision diġà kellu jħabbat wiċċu ma’ sitwazzjonijiet politiċi bħall-esklużjoni tar-Russja fl-istess sena wara l-invażjoni tal-armat Russa fuq l-Ukrajna.