Internazzjonali

L-armla ta’ Charlie Kirk sellmet il-memorja ta’ żewġha

L-armla ta’ Charlie Kirk, Erika Kirk, sellmet il-memorja tiegħu permezz ta’ livestream minn Arizona, fejn irringrazzjat lil dawk li pprovaw isalvawh. U wegħdet li se tkompli l-missjoni tiegħu.
Bilwieqfa ħdejn is-siġġu vojt fejn kien ipoġġi żewġha waqt il-podcast, hija kkwotat il-Bibbja u tkellmet dwar l-imħabba ta’ żewġha lejn uliedhom, l-Istati Uniti, u l- President Amerikan Donald Trump.

Hi qalet li r-raġel tagħha kien persuna mimli fidi, kuraġġuż, u dedikat għall-valuri tiegħu, u hekk xtaq li jibqa’ mfakkar wara li jħalli din id-dinja.
Hi stqarret li Charlie Kirk kien iħobb lil uliedu. U hu kien iħobb lilha, b’qalbu kollha.
Il-qattiel tiegħu, Tyler Robinson ta’ 22 sena li kien qal diversi drabi li ma kienx jaħmel lil Charlie Kirk u d-dikjarazzjonijiet estremisti tiegħu, inqabad u jinsab arrestat.

Fl-indirizz lin-nazzjon, Erika rringrazzjat ukoll lil uffiċjali u tobba li taw l-ewwel għajnuna u għamlu ħilithom biex isalvaw lil żewġha wara l-isparatura fatali. Hi faħħret il-kuraġġ u d-dedikazzjoni tagħhom, anke jekk ma rnexxilhomx isalvawlu ħajtu.

Mart Charlie Kirk insistiet li hu qatt ma beża’ jitkellem dwar dak li emmen fih, u illum iżjed minn qatt qabel kliemu se jibqa’ jidwi għall-eternita.

Erika kkonfermat li l-podcast se jibqa’ għaddej u l-missjoni li beda żewġha se tkompli f’ismu, biex “il-legat li ħalla warajh ma jintilifx”.

Il-President Trump, intant, ħabbar li Kirk se jingħata l-Midalja Presidenzjali tal-Ħelsien, u sejjaħlu “champion of Liberty.”