Lokali

AĠĠORNATA: Xufier iweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar

Xufier ta’ 69 sena kellhu jittieħed l-Isptar Mater Dei wara li tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu f’Dawret San Pawl il-Baħar, San Pawl il-Baħar.

Il-każ seħħ tard is-Sibt filgħaxija, ftit wara l-11pm.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li s-CPD u l-Pulizija ġew imsejħa fuq il-post, fejn kellhom jintervjenu sabiex jassistu lis-sewwieq li spiċċa maqbud fil-vettura – li spiċċat maqluba fuq is-saqaf tagħha f’għalqa fil-ġenb tat-triq.

Net News jista’ jikkonferma li x-xufier għandu 69 sena, kien qed isuq karozza tal-għamla Mercedes B180, u hu minn San Pawl il-Baħar.

Intant, ir-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi, u qed jingħata assistenza medika fl-isptar Mater Dei.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom gġaddejjin.