Lokali Qorti

Raġel arrestat b’rabta ma’ importazzjoni ta’ kannabis


Raġel ta’ 44 sena mill-Gambja kien arrestat b’rabta ma’ importazzjoni ta’ madwar 10 kilogrammi sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis, b’valur fis-suq li jlaħħaq madwar il-€100,000.

Wara tfittxija intensiva għalih wara li kien ħalla l-ajruport ta’ Malta mingħajr ma ġabar il-bagalja, ir-raġel kien arrestat nhar il-Ħamis f’Ħaż-Żabbar. Fil-bagalja nstabu 40 pakkett bid-droga, b’total ta’ 10kg ħaxixa tal-kannabis. Huwa wasal Malta fit-30 ta’ Awwissu minn Lisbona, il-Portugall.

Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat Joseph Mifsud, li fetaħ inkjesta u minnufih bdew ukoll l-investigazzjonijiet tal-Pulizija li wasslu biex ġiet identifikata l-persuna.

Huwa qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija, il-Furjana. Ir-raġel se jkun qed jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Yana Micallef, is-Sibt għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu.