“Wasal iż-żmien li nwarrbu l-aħmar u l-blu u nħarsu biss lejn il-ġid komuni.” Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa li kellu s-sibt mal-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex, mal-Kumitati Sezzjonali u mas-Sindki u l-kunsillieri Għawdxin.
Laqgħat li matulhom, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li ser ikun preżenti minn tal-anqas nofs ta’ nhar kull ġimgħa fil-gżira Għawdxija – dan sabiex iżomm kuntatt man-nies.
Is-Sibt filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sebaħ fil-gżira Għawdxija, hekk kif fis-Sub Headquarters f’Ta’ Sannat huwa mexxa żewġ laqgħat importanti. Fejn ġie milqugħ b’ċapċip u entużjażmu. U fejn dwew il-kliem “Għawdxi fost l-Għawdxin”.
Waqt il-laqgħa mal-Kumitat Reġjonali kien hemm preżenti id-Deputat Chris Said u anke l-Kanditati tal-Partit Nazzjonalista għat-13-il distrett. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello.
Il-President tal-Kumitat Reġjonali, Paul Buttiġieġ irrimarka l-kuraġġ kbir li kellu Alex Borg biex għamel dan il-pass, anke għall-fatt li huwa Għawdxi.
Il-Kumitat Reġjonali wiegħed is-sapport tiegħu lill-Kap tal-PN Alex Borg, u li ser ikun hemm ta’ spalla għal dak kollu li jkollu bżonn il-Partit Nazzjonalista.
Alex Borg insista illi ma jridx li l-Kumitati Sezzjonali jkunu hemm biss sabiex jiġbru t-tesseri u jagħtu s-sostenn tagħhom fil-maratoni, iżda mil-lum ‘il quddiem huma ser ikunu il-qalb tal-Partit Nazzjonalista fl-irħula.
Lill-membri tal-Kumitat Reġjonali, tal-Kumitat Sezzjonali u lis-Sindki u l-Kunsillieri, Alex Borg wiegħdhom li l-Partit Nazzjonalista se jaħdem b’saħħa biex ikun Gvern alternattiv.
Il-Kap tal-PN għalaq dawn il-laqgħat b’ringrazzjament għall-ħidma li qed issir mill-attivisti Għawdxin; ħidma mill-qalb li hija turija tal-imħabba li għandhom għall-pajjiż u għal Għawdex b’mod partikolari.
Intant, sar magħruf li fil-ġranet li ġejjin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ser ikun qed iħabbar is-segretarjat tiegħu.


