Lokali

Xmara ta’ drenaġġ fil-Gudja

Triq Mons Pawlu Mallia, il-Gudja tinsab fi kriżi ta’ drenaġġ hekk kif din hi r-raba’ darba li reġgħet tkissret is-sistema l-ġdid tad-drenaġġ li għadha kemm tlestiet ġimgħat ilu. Din is-sistema diġa inqalgħat tliet darbiet qabel; f’April, f’Mejju u Ġunju li għadda hekk kif ix-xogħol ma kienx qiegħed isir sew b’konsegwenza li t-triq kellha tinqala’ kemm il-darba.

Xi residenti li tkellmu ma’ Net News saħqu li is-sistema tal-Gvern qed tfalli għaliex ħar-raba’ darba f’inqas minn ħames xhur, kiser dak kollu li suppost tpoġġa ġdid u reġa qed iħaffer biex jerġa’ jagħmel sistema ġdida oħra.

Ir-residenti jinsabu frustrati b’din is-sitwazzjoni hekk kif id-drenaġġ qed iħalli impatt negattiv taħt it-twieqi u r-residenzi tagħhom.

Xi residenti oħra qalu li x-xogħlijiet kellhom jibdew fi Frar u minflok bdew f’Marzu li għadda. Iżda issa, f’nofs Settembru reġgħu bdew ħaffru mill-ġdid biex jinstallaw sistema ġdida, bid-differenza li m’għamlux connection temporanja fejn jintrema id-drenaġġ sakemm jitwaħħlu katusi godda. Ir-residenti ddeskrivew din is-sitwazzjoni bħala waħda tal-biki u allaramanti għall-aħħar anke fejn tidħol is-saħħa fiżika tal-bniedem, u għaldaqstant appellaw l-awtoritajiet sabiex tinstab soluzzjoni fl-immedjat.