Lokali

Is-Segretarju Parlamentari Laburista jitkeċċa minn Chairman tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa

Is-Segretarju Parlamentari Laburista Malcolm Agius Galea tkeċċa minn Chairman tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa, dan wara li naqas milli jlaqqa’ lil dan il-kumitat għal sentejn sħaħ.

Issa, minfloku, tpoġġiet l-Membru Parlamentari Laburista Romilda Zarb, dan fuq l-ordni tal-Prim Ministru u mexxej Laburist Robert Abela.

Żvelat dan The Shift News, meta kien spjegat li fuq ordni ta’ Robert Abela, Malcolm Paul Agius tkeċċa minn Chairman tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa.

U l-mistoqsija fuq fomm kulħadd hija kemm kien qed jitħallas Paul Agius sabiex imexxi dan il-kumitat li laqqa’ biss darba; lura fis-16 ta’ Ottubru 2023.

Dan il-kumitat, suppost huwa l-aktar kumitat importanti fil-Parlament sabiex jiddiskuti s-settur tas-saħħa f’pajjiżna, u sabiex jiskrutinizza x-xogħol tal-Gvern Laburista f’dan is-settur tant importanti.

Is-Shadow Minister Ian Vassallo, tkellem ma’ The Shift News fejn spjega li ma setgħux jifhmu għalfejn ma kienx qed jitlaqqa’ dan il-kumitat tant importanti. Fejn insista li kienu diversi drabi li appellaw lil Malcolm Paul Agius sabiex ilaqqa’ dan il-kumitat – iżda ma nbidel xejn.

Id-deputat Nazzjonalista, kien anke kellem lill-Ispeaker tal-Parlament, sabiex jintervjeni f’din is-sitwazzjoni.

Meta mistoqsi mnn The Shift, Malcolm Paul Agius tenna biss li qed jitmexxa minn Chairperson ġdid u li se ssir laqgħa matul il-ġimgħa li ġejja.