Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq akkużi ta’ traffikar u ħasil ta’ flus

Dylan Mifsud ta’ 30 sena, nżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti mixli bi traffikar ta’ kokaina u kannabis sintetika, kif ukoll b’ħasill ta’ flus u akkużi oħra.

Fil-Qorti, hu wieġeb mhux ħati.

Dan il-każ jmur lura għad-9 ta’ Settembru fi Triq in-Nagħal, il-Marsa, fejn il-Pulizija sabu lil Mifsud fil-pussess ta’ flus kontanti u sustanzi suspettużi.

Minkejja li diġa’ ġie arrestat, hu beda jaġita ruħu u ntbagħat Monte Carmeli, qabel reġa’ ġie arrestat ftit jiem wara.

Id-difiża sostniet li Mifsud hu vittma u mhux ħati, bili kien ilu snin jiġġieled kontra l-vizzju tad-droga u fl-aħħar snin għamel ħiltu.

Intqal ukoll fi stqarrija mal-Pulizija li hu kellu pressjoni minn persuna Sirjana sabiex jittraffika d-droga.

Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni qalet li l-ammont ta’ droga ma kienx għall-użu personali u li kien hemm riskju li jerġa’ jigi sfurzat jittraffika.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba s-severità tal-każ, il-fedina penali tiegħu u n-nuqqas ta’ indirizz fiss.

Madankollu, il-Qorti ordnat li jinżamm fis-sezzjoni forensika ta’ Kordin minħabba l-kundizzjoni psikoloġika tiegħu.