Futbol Sport

L-ewwel ġimgħa tal-BOV Challenge League mimlija sorpriżi u emozzjonijiet

(Ritratt: Mġarr United)

Minn Neil Camenzuli

Is-Sibt 13 ta’ Settembru 2025

Santa Lucia 7-0 Mtarfa

L-ewwel żewġ partiti li ntlagħbu mill-istaġun 2025/26 tal-BOV Challenge League bla dubju ma kienux ta’ diżappunt. Fil-Victor Tedesco Stadium, Santa Lucia għelbu lil Mtarfa 7-0 biex ħadu l-ewwel tlett punti tal-istaġun kif ukoll kabbru b’mod sostanzjali d-differenza tal-gowls tagħhom, xi ħaġa li taf tiswa’ ħafna l-quddiem fil-kampjonat.

Tlett gowls fl-ewwel kwarta logħob għal Santa Lucia, b’Jean Carlos Goncalves jikkonverti l-penalty wara 5 minuti, segwit minn gowl ta’ Alessio Azzopardi fil-11-il minuta u gowl ieħor minn Goncalves tlett minuti wara.

L-eks plejer ta’ Valletta u prodott ta’ Sliema Wanderers Aidan Jake Friggieri għamel l-iskor 4-0 fit-38 minuta, biex Goncalves skorja t-tripletta personali ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Kienu gowls ta; Masaki Takahara u Filip Petkocski li waslu fit-tieni taqsima.

Marsa 1-3 Żurrieq

Marsa ma rnexxielhomx iżommu l-vantaġġ miksub kmieni fl-ewwel taqsima biex b’hekk Żurrieq irnexxielhom jiksbu l-ewwel rebħa tal-istaġun 3-1.

Gabriel De Castro Cruz jiftaħ l-iskor għal Marsa wara 11-il minuta, pero dopjetta ta’ Jonathan Monney u gowl ta’ Jamie Zerafa fit-tieni taqsima għaż-Żurrieq jagħtu t-tlett punti liż-Żrieraq.

Melita 1-2 Swieiq United

Partiti kontroversjali, mhux biss minħabba r-rimonta miksuba minn Swieqi United, iżda anke minħabba l-allegazzjonijiet serji li qed jagħmlu Melita fil-konfront ta’ rappreżentant ta’ Swieiqi United li għamel kummenti razzisti waqt il-partita tas-Sibt.

Melita jiskorjaw wara biss 10 minuti permezz ta Eric Mensah, qabel Swieiq jillivelaw b’ Sajam Mawuara u jieħdu l-vantaġġ permezz ta’ Isaac Davey fis-47 minuta.

Birżebbuġa St.Peter’s 3-2 Pieta’ Hotspurs

Birżebbuġa kisbu tlett punti kruċjali kontra wieħed mill-favoriti ta’ din is-sena Pieta’ Hotspurs.

Pieta’ jmorru fil-vantaġġ minn Arthur Santana wara 37 minuta, bl-avversarji jirrispondu fit-tieni taqsima b’żewġ gowls f’temp ta’ żewġ minuti hekk kif l-eks plejer ta’ Hibernians, Alex Bruno De Souza Silva jiskorja fit-48 minuta, segwit minn gowl ta’ Paul Lapira minuta wara.

Leonardo Agius jiskorja fis-70 minuta, u Owen Magro jnaqqas l-iskor għal Hotspurs fit-93 minuta.

Il-Ħadd 14 ta’ Settembru 2025

Vittoriosa Stars 0-1 Sirens

Sirens ħadu l-ewwel tlett punti kontra Vittoriosa Stars pemrezz tal-gowl waħdini ta’ Thiago Nonato Pexioto.

Luxol St.Andrews 0-4 Mġarr United

Mġarr United kisbu rebħa komda u kruċjali kontra Luxol St.Andrews li ma rnexxielhomx iżommu l-forma tajba mill-istaġun li għadda u bdew l-istaġun fuq sieq ħażina.

Mġarr United jiftħu l-iskor wara 21 minuta permezz ta’ Daniel Sant.

Luxol b’ċans li jillivelaw fil-25 minuta pero Duvan Mosquera Torres ifalli l-penalty tiegħu.

Fit-tieni taqsima, Mġarr jiskorjaw tlett gowls oħra permezz ta’ Cristyan Noto Souza fid-59 minuta, Saint Ebisindor Christian fit-78 minuta u Terence Vella fil-85 minuta.

Balzan 0-1 Gudja United

It-tim żgħażugħ ta’ Gudja United irnexxielhu jegħleb lil Balzan li għadhom kemm ġew retroċessi għal BOV Challenge League dan l=istaġun. L-iskor finali kien 1-0 u l-gowl tar-rebħa kien skorjat minn Joseph Agbakwuru fil-75 minuta.

Żebbuġ Rangers 0-1 Fgura United

Fgura United ukoll bdew fuq sie tajba hekk kif għelbu lil Żebbuġ Rangers 1-0 bil-gowl tar-rebħa jasal fil-35 minuta permezz ta’ Hidesato Ueda.