Lokali Qorti

Mixli li sawwat lil martu waqt li kienet fuq it-telefon mal-Pulizija

Raġel ta’ 50 sena mill-Iklin inżamm taħt arrest wara li ġie mixli li ħebb għal martu meta kienet fuq telefonata mal-Pulizija dwar każ ta’ frodi.

Fil-Qorti, l-Ispettur Christian Cauchi spjega li l-inċident seħħ fit-13 ta’ Settembru, meta l-mara rrappurtat lil żewgha, fejn hu nduna li kienet fuq it-telefon u ma riditx tgħidlu ma’ min kienet qed titkellem,

Hi allegatament saħqet liimbuttaha fil-kċina, ta’ daqqiet f’idejha u sidirha, u ankè ħadilha l-mobile.

Il-koppja ilha miżżewġa mill-1998, iżda l-mara qalet li l-abbuż ilu jsir mill-2018. Minkejja dan, hi qalet li qatt ma kellha l-kuraġġ tirrapporta dan qabel.

Wara l-aggressjoni, analiżi uffiċjali kkonkludiet li kienet f’riskju serju u għalhekk marret f’xelter, bit-tabib ikkonferma li sofriet ġrieħi ħfief.

Intqal ukoll li l-akkużat mar minn jeddu l-għassa tal-Pulizija u kkopera, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest.

Id-difża ressqet bħala alternattiva li l-akkużat jgħix ma’ missieru, b’missieru l-akkużat jixhed fil-Qorti fejn qal li lest jilqgħu f’daru.

Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest peress li l-mara għadha trid tixhed, u ankè ordnat wkoll protezzjoni favur il-vittma.