Tmiem ta’ staġun tal-waterpolo 2025 u diġa’ bdiet ħidma intensiva mill-klabbs, primarjament dawk li din is-sena ffurmaw parti mill-Kampjonat Premier, biex isaħħu l-iskwadri rispettivi tagħhom, iżda mhux biss. Fl-aħħar jiem, il-waterpolo Malti kellu kontinwazzjoni ta’ aħbarijiet sbieħ ta’ plejers żgħażagħ u b’talent li matul ix-xhur li ġejjin se jkunu qed jilgħabu f’diversi Kampjonati Ewropej ma’ klabbs rinomati.
San Ġiljan | Jikkonfermaw lill-kowċ Grieg Giorgos Katsaounis u Ben Plumpton jiffirma kuntratt ġdid ta’ erba’ snin
Iċ-champions San Ġiljan, ħabbru b’mod uffiċjali l-konferma tal-kowċ tagħhom, Giorgos Katsaounis għal staġun ieħor. Katsaounis ġie fdat bit-tmexxija tal-Ġiljaniżi f’Marzu li għadda u fl-ewwel nofs staġun tiegħu f’Malta, u kien il-kowċ tat-tim li matul din is-sena rebaħ it-tliet unuri ewlenin fil-waterpolo domestiku, fosthom, il-Kampjonat u l-Kompetizzjoni Knock-Out.

Iċ-champions San Ġiljan, diġa’ ikkonfermaw li ġeddew il-kuntratt tal-kowċ tagħhom, Giorgos Katsaounis.
Iżda l-ħidma ta’ San Ġiljan, jiem biss wara li rebħu l-Kampjonat mill-ġdid, ma waqfitx hawn. Huma reġgħu kkonfermaw it-trasferiment tal-gowlkiper numru wieħed tagħhom u tat-tim nazzjonali Malti, Jake Tanti mal-klabb Spanjol ta’ CN Mataró. Mingħajr dubju l-esperjenza li kiseb f’dawn l-aħħar snin Tanti, kompliet tara lill-gowlkiper jikber u jimmatura fil-logħob tiegħu hekk kif fl-istaġun li għadda, il-Malti ta’ 27 sena, kien determinanti għall-klabb Spanjol biex dawn kisbu kwalifikazzjoni għall-LEN Conference Cup.
Plejer ieħor ta’ San Ġiljan, meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers ta’ Maltin u plejers żgħażagħ fit-tim, tant li hu prodott tal-istess klabb, Jake Bonavia se jkun qed jibda kapitlu ġdid fl-Istati Uniti. Bonavia se jkun qed jirnexxilu jamalgama l-istudju akamediku tiegħu mat-taħriġ atletiku tiegħu bħala plejer professjonali tal-waterpolo.

Jake Bonavia ta’ San Ġiljan
Bonavia se jkun qed jistudja fl-Università ta’ Loyola Marymount f’Los Angeles, fejn se jkun qed isegwi Grad ta’ Master fl-Analitika tan-Negozju. Din se tkun esperjenza ta’ sentejn għal Bonavia fejn matulha se jkun qed jilgħab mal-klabb ta’ LMU fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni NCAA tal-Istati Uniti.
Intant aktar kmieni din il-ġimgħa, San Ġiljan ħabbru ukoll li Ben Plumpton ġedded il-kuntratt tiegħu mall-klabb għal erba’ snin oħra. Il-klabb għad irid iħabbar min se jkun il-barrani il-ġdid tagħhom fl-2026, peress li Aaron Younger ħa d-deċizjoni li jtemm il-karriera tiegħu bħala plejer tal-waterpolo f’Malta. It-tmiem ta’ Younger kien wieħed mill-aqwa għaliex rebaħ it-tliet unuri ewlenin tal-waterpolo domestiku fl-2025.

Ben Plumpton ta’ San Ġiljan
Dawk li kienu l-anti San Ġiljan matul l-istaġun li għadu kemm intemm, Neptunes ukoll qed jaħdmu fuq l-istaġun il-ġdid, kemm biex jaċċertaw it-tiġdid ta’ kuntratti ta’ plejers li kienu jiskadu dan l-istaġun kif ukoll biex jibgħatu l-aqwa talenti tagħhom jilgħabu ma’ uħud mill-aqwa klabbs Ewropej.
Neptunes | Julian Valletta u Sam Gialanze se jkomplu l-karriera tagħhom fi Franza u l-Italja rispettivament
Iż-żagħżugħ promessa, Julian Valletta li jilgħab l-aktar fir-rwol ta’ driver, dak il-plejer li fir-rwol tiegħu jmexxi l-attakk flimkien maċ-ċentru, matul l-2025 kien wieħed mil-plejers Maltin li kompla juri t-tkabbir tal-ħiliet tekniċi tiegħu fil-logħba. Julian, iben l-eks plejer ta’ Sirens u Sliema rispettivament, u tat-tim nazzjonali Malti, Jonathan Valletta qed ikompli fejn ħalla missieru fil-karriera tiegħu bħala plejer tal-waterpolo.

Julian Valletta ta’ Neptunes
Neptunes diġa’ ħabbru b’mod uffiċjali, li għall-ewwel darba fil-karriera professjonali tiegħu bħala plejer Valletta, se jkun qed jilgħab barra minn Malta, bl-għażla finali tal-plejer kienet li jiffirma mal-klabb Franċiż ta’ Strasbourg.
Valletta mhux se jkun l-uniku plejer ta’ Neptunes li se jkollu esperjenza professjonali f’Kampjonat barrani. San Gianalnze se jkun qed jingħaqad ma’ kollega ieħor fit-tim tar-reds, Marco Rossi u matul l-istaġun 2025/26, il-plejer internazzjonali Malti se jkun qed jilgħab fis-Serie A2 fl-Italja mal-klabb Sqalli ta’ Nuoto Catania.

Sam Gialanze ta’ Neptunes
Mal-istess klabb ta’ Nuoto Catania, Neptunes ħabbru ukoll li se jkollhom lil Benji Lewis li se jkun qed jingħata l-opportunitá li jqatta training camp ta’ xahar mal-istess klabb.
Intant, wieħed mill-plejers veterani tal-iskwadra, Jordan Camilleri, ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Neptunes, hekk kif wieħed mill-atleti Maltin li hu eżempju ħaj ta’ dak li nsejħulu suċċess fid-dual career, it-tabib Camilleri, se jkompli jilgħab, kif dejjem għamel ma’ Neptunes.
Sliema | Jayden Cutajar se jerġa’ jilgħab mal-klabb rinomat ta’ Partizan Belgrade
Fil-klann ta’ Sliema, wara staġun diżappuntanti, fejn ma rebħu ebda mill-unuri maġġuri, wieħed qed jistenna li jkun hemm diversi bidliet. Sar magħruf li John Brownrigg, li kien captain tat-tim irtira u se jkun it-Tim Managar tal-iskwadra ewlenija.
Brownrigg se jkun qed jaħdem taħt it-tmexxija ta’ eks plejer ieħor, Ryan Coleiro li għandu l-kariga ta’ Direttur Sportiv fil-klabb ta’ Sliema. Flimkien magħhom jingħaqad ukoll eks plejer ieħor ta’ suċċess li kellhom Sliema matul dawn l-aħħar snin, Mark Melli li se jkun qed iservi bħala Tim Manager tal-Akkademja ta’ Sliema.
Intant wieħed mill-aqwa plejers tal-futur ta’ Sliema, Jayden Cutajar se jkun qed ikompli l-karriera tiegħu fis-Serbja, mal-klabb rinomat ta’ Partizan Belgrade. Dan se jkun ir-raba’ staġun ta’ Jayden f’dan il-pajjiż u t-tielet wieħed konsekuttiv ma’ Parni valjak. Tul dawn l-aħħar tliet snin, Cutajar mhux biss kiber fil-personalitá tiegħu bħala plejer tal-waterpolo iżda stabilixxa ruħu fit-tim li bħala kowċ għandu lil Miloš Korolija.

Jayden Cutajar ta’ Sliema
Lejn l-aħħar t’Awwissu, Sliema kienu ħabbru ukoll li wieħed mill-plejers li jifforma parti mill-akkademja tagħhom, Thomas Fenech se jkun qed jilgħab fil-perjodu tax-xitwa ma’ Miskolci VLC tal-Ungerija.
Fenech se hjkun qed jifforma parti mit-timijiet ta’ taħt id-19-il sena kif ukoll tal-kbar.
//= $special ?>