Lokali

Alex Borg ħoloq mewġa ta’ entużjażmu

Il-mewġa ta’ entużjażmu li ħoloq Alex Borg bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista huwa entużjażmu, li ilu ma jidher snin. Dan hekk kif bosta kienu dawk li għal xi raġuni jew oħra tbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista. U issa talbu mill-ġdid biex jagħmlu kuntatt ma’ Alex Borg.

Din kienet l-analizi li għamel Kurt Sansone fil-gazetta Malta Today, fejn intqal li  persuni minn kull  faxxa tas-soċjetà qed jikkummentaw dwar Alex Borg b’mod pożittiv.

Fl-analiżi tiegħu, ġie innutat ukoll kif hija normali li meta jinħatar Kap ġdid, bosta persuni jkunu jridu jiltaqgħu miegħu. Però f’dan il-każ, l-entużjażmu huwa bil-ferm ikbar u dan probabbilment huwa grazzi għal mod kif Alex Borg b’mod naturali jiġbed lin-nies lejh.

Sorsi li tkellmu mal-MaltaToday qalu li anka l-eċċitament fid-Dar Ċentrali, kien wieħed kbir, u dawk li maż-żmien ma baqgħux attivi fil-partit qed jerġgħu jikkummentaw dwar Alex Borg.

Apparti minn hekk – skont din l-analiżi – Alex Borg qiegħed kontinwament jaħdem biex Eks Membri Parlamentari u attivisti tal-Partit Nazzjonalista jirritornaw lura, biex it-talent tagħhom ikun ta’ użu għall-Partit Nazzjonalista.

Membru Parlamentari li tkellem mal-Malta Today innotta wkoll is-sens ta’ kurżità li nħoloq dwar Alex Borg u dwar x’se jkun qed joffri lill-Partit Nazzzjonalista.

Fuq kollox, Kurt Sansone jfakkar li dan l-element ta’ entużjażmu diġà kien preżenti f’Għawdex, fejn Alex Borg fl-aħħar snin ħalla marka partikolari.