Internazzjonali

Benjamin Netanyahu ma jeskludix aktar attakki

Il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu ma eskludix, li fil-ġimgħat li ġejjien Iżrael jerġa’ jattakka lil mexxejja tal-Hamas, hekk kif saħaq li dawn mhux se jkollhom immunità – ikunu fejn ikunu.

Netanyahu qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio,  f’Ġerusalemm; b’din il-laqgħa tkun waħda mistennija hekk kif fuq nett tal-aġenda kien hemm l-attakk ta’ Iżrael fil-Qatar.

Netanyahu qal li kull stat għandu dritt iwaqqaf l-attakki fuq pajjizu b’kull mezz possibbli.

L-attakk tal-ġimgħa li għaddiet kellu fil-mira tiegħu mexxejja importanti tal-Hamas, u ġab miegħu kritika qawwija internazzjonalment saħansitra anke mingħand Donald Trump.

L-attakk tat-Tlieta tal-Iżraeljani fuq Doha irriżulta fil-qtil ta’ ħames membri tal-Hamas, bil-militar jikkonċentra fuq residenza partikulari fil-kapitali tal-Qatar.

Meta pressat mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Netanyahu qal li l-attakk fuq il-Qatar sar minn Iżrael u Iżrael biss, biex b’hekk neħħa kull dubju dwar jekk l-Amerika kinitx involuta jew le.

Din il-laqgħa bejn Rubio u Netanyahu kienet qed issir waqt li l-Mexxejja Għarab sejħu summit b’turija ta’ appoġġ lejn il-Qatar, bil-Prim Ministru tal-pajjiż jisħaq lil komunità internazzjonali biex ma tħallix lil Iżrael jibqa’ jagħmel li jrid.

Minn naħa tiegħu Marco Rubio qal li r-relazzjonijiet bejn Iżrael u l-Istati Uniti qatt ma kienu daqshekk b’saħħithom. Dan filwaqt li indika li qed jippjana biex hu stess iżur il-Qatar. Bil-Prim Ministru Netanyahu jgħid Donald Trump hu mexxej inkredibbli, li qed jitrasforma d-dinja għall-aħjar.

Is-Segrtarju tal-Istat Amerikan, mill-ġdid tenna li l-ostaġġi ta’ Iżrael għandhom jiġu rrilaxxati minnufih, dan filwaqt li stqarr li flimkien ma’ Netanyahu dduskutew il-’kwistjoni tal-Iran’ – li fi kliem Rubio hija ta’ thedida mhux biss għal Iżrael imma anke għall-Istati tal-Golf u anke l-Ewropa.

Intant, waqt din il-laqgħa ma’ Netanyahu ma naqsitx ukoll tislima lejn l-attivist Charlie Kirk, li nqatel fil-campus tal-Università ta’ Utah fil-jiem li għaddew.