Il-Qorti ordnat lill-eks operaturi tal-Marina Palace Home fl-Imsida biex iħallsu żewġ carers il-pagi dovuti tagħhom wara li għal xhur twal ġew imċaħħda minn dak li kellhom jirċievu. Iż-żewġ carers, li huma barranin u membri tal-General Workers’ Union, kienu impjegati f’din id-dar tal-anzjani li fl-2022 kienet ingħalqet mill-awtoritajiet wara li nstab li kienet qed topera mingħajr liċenzja u li kienet qed tospita residenti f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna.
Dawn il-ħaddiema kienu qed jingħataw biss parti mill-pagi tagħhom minkejja wegħdiet ripetuti mill-amministrazzjoni li l-flus kollha kellhom jitħallsu, iżda l-qagħda qatt ma tjiebet. Meta l-impjegati daru lejn il-union, il-proċess legali beda u minkejja li kien twil u kumpless, id-deċiżjoni tal-Qorti wasslet biex saret ġustizzja.
Il-GWU sostniet li dan il-każ juri l-qawwa li għandhom il-ħaddiema meta jingħaqdu flimkien u għandha tkun messaġġ ċar kontra l-isfruttament u l-inġustizzja li ħafna drabi jiffaċċjaw il-ħaddiema barranin fis-settur privat tal-kura tal-anzjani.
Fl-istqarrija tagħha, il-union ħeġġet kull min iħossu abbużat biex ma jibżax jitlob l-għajnuna.
Il-ħaddiema ġew assistiti mill-avukat Anthea Whitney Turner flimkien mas-Sezzjoni tal-Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa tal-GWU.
//= $special ?>