Lokali

“Determinat li naħdem biss għall-interess tal-poplu”

Determinat li naħdem biss fl-interess tal-poplu.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Alex Borg waqt laqgħa li kellu fil-bini tal-Parlament mal-ispeaker Anġlu Farrugia; laqgħa li kienet l-ewwel waħda għall-Kap tal-Oppożizzjoni mal-ispeaker.

Waqt li feraħ lil Alex Borg, l-ispeaker qal bla tlaqliq li jinsab kburi bih li assuma din il-kariga. U li issa, huwa l-iżgħar kap ta’ Partit li qatt kien hawn fl-istorja ta’ Malta.


Min-naħa tiegħu il-Kap tal-PN tenna li se jkun qed ipoġġi fuq quddiem nett l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi. U insista li se joffri Gvern alternattiv li jirrappreżenta lin-nies.

Alex Borg stqarr, li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun wieħed li jirrappreżenta lill-poplu kollu… u li jagħmel mill-politika xi ħaġa li tinteressa lin-nies.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar, u l-Assistent Whip Paula Mifsud Bonnici.