Ftit tal-Ħdud ilu din il-gazzetta Il-Mument ippubblikat aġġornament dwar dak li għaddej fil-Ħabs ta’ Kordin fejn l-affarijiet – kemm fir-rigward tal-kundizzjonijiet u anki l-funzjonament tal-Ħabs – qed ikomplu jeħżienu.
Dan kollu wera t-tħassib ta’ numru ta’ uffiċjali korrettivi li jħossu li l-priġunieri “qed jikkmandaw” filwaqt li huma, l-uffiċjali, qed iġarrbu l-konsegwenzi, filwaqt li l-Ammistrazzjoni tilfet kull kontroll.
F’dawn il-jiem diversi uffiċjali li jservu fil-Ħabs ta’ Kordin komplew jitkellmu ma’ din il-gazzetta biex juru d-dispjaċir tagħhom lejn it-Tmexxija, u biex jixħtu dawl fuq prattiċi li, skonthom, qed joħolqu sitwazzjoni inġusta u li qed tkisser il-moral tal-ħaddiema.
“Premju għal min jikser ir-regoli, kastig għal min jagħmel dmiru”
Wieħed mill-uffiċjali li tkellem magħna, iżda talab li jibqa’ anonimu, qal b’ton ta’ frustrazzjoni:
“Min għandu jkun kastigat, qed jingħata premju. Min għandu jkun ippremjat, qed jitpoġġa fil-ġenb jew anke jiġi kkastigat. Dan mhux biss juri nuqqas ta’ sens ta’ ġustizzja, imma qed jagħmel ħsara diretta lill-moral tagħna bħala uffiċjali.”
Eżempju ċar hu dak ta’ priġunier li ġie rrapurtat iżjed minn darba minn kull settur ta’ xogħol wara li kiser ir-regoli bosta drabi, u nuqqas ta’ rispett lejn uffiċjali. Minflok ma baqa’ jġorr il-konsegwenzi ta’ din l-imġiba, issa ngħata xogħol fis-Sezzjoni tal-Edukazzjoni, b’aċċess għall-kompjuter u l-internet fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata.
Barra minn hekk, ġiet fdat lilu wkoll il-missjoni li jkabbar pjanti u ħaxix fil-ħabs fejn ingħata parti minn għalqa… proġett li, skont l-uffiċjali, qed jiswa l-eluf tal-ewro!
Jirriżulta li dan il-‘premju’ ġie mogħti l-aktar bħala mezz biex il-priġunier jinżamm kwiet u biex ma jkomplix jitkellem mal-midja. Dan anqas rimors m’għandu lejn l-att kriminali li għamel, aħseb u ara kemm dan ix-xogħol ser jgħinu fir-riabilatazzjoni tiegħu.
Manuvri u preferenzi: kif il-priġunieri jibbenefikaw
Is-sorsi tagħna spjegaw kif permezz ta’ manuvri u preferenzi, ċerti priġunieri jiġu ffaċilitati jew imħollija jiksbu vantaġġi.
Wieħed mill-każijiet imsemmija hu dak ta’ priġunier li kien jaħdem bħala mastrudaxxa. Minflok baqa’ f’dan xogħol, ġie trasferit għal xogħol ta’ tindif biex jiftaħ spazju għal priġunier ieħor li kien involut f’każ ta’ profil għoli u li għandu rabtiet prominenti fil-pajjiż.
Barra minn hekk, diversi priġunieri li għandhom każijiet serji ġew imdaħħla fi snajja’… sezzjoni fejn jingħataw ħafna aktar libertà biex iduru fil-binja tal-Ħabs bla superviżjoni diretta, u fejn spiss “ma jagħmlu xejn ta’ min isemmi.”
Dawn il-priġunieri, minħabba l-pożizzjoni tagħhom, għandhom saħħa kbira fuq l-oħrajn u anke fuq xi deċiżjonijiet interni. Fejn dawn jiġru bl-għodda weħidhom jew spiss ikunu waħidhon fil-workshops. Saħanistra wieħed minnhom għandu aċċess iżjed minn ħaddieħor li jmur kullimkien, jitla’ fuq il-bjut u anke jinnavika id-dawl!
Diskriminazzjoni bejn il-priġunieri li qed issir sitwazzjoni perikoluża
“Il-manuvri huma ċari. Jekk hemm xi ħadd magħruf jew bi profil għoli, minflok ibati l-konsegwenzi bħall-oħrajn, jispiċċa f’xogħol fejn ikollu iktar libertà u influwenza. Minflok, xi ħadd li jkun sempliċement żbalja, jispiċċa sospiż jew imkeċċi mill-kariga tiegħu.”
F’dan il-kuntest, kien irrappurtat ukoll każ fejn uffiċjal korrettiv waqa’ fi żball li daħħlu fih priġunier iżda ġie immedjatament sospiż, filwaqt li priġunieri li kisru ripetutament ir-regoli kienu ppremjati b’xogħlijiet iktar konvenjenti u b’libertajiet żejda.
Kundizzjoni tal-muta: “Ma tkellimx mal-midja”
L-aktar punt li qajjem mistoqsijiet serji hu l-allegazzjoni li xi premjijiet ġew marbuta mal-kundizzjoni li l-priġunier ma jitkellimx mal-midja.
Jekk din il-prattika hija minnha, tista’ tqajjem dubji dwar kemm hi legali u trasparenti miżura bħal din. Il-mistoqsija li tibqa’ tgħolli rasha hi waħda ċara: tista’ istituzzjoni statali tħalli lill-premjijiet u l-kastigi jiġu marbuta mal-libertà tal-kelma?
Dwar dan din il-gazzetta tkellmet ma’ diversi esperti legali u akkademiċi fil-qasam tal-kriminoloġija u ngħadilna li: “Il-prinċipju fundamentali ta’ kull sistema korrettiva hu li l-premjijiet u l-kastigi jiġu amministrati fuq bażi ta’ kriterji ċari u trasparenti.
“Jekk il-premju jingħata bħala mezz ta’ silenzju jew biex jiġi manipulata l-informazzjoni, allura qegħdin fuq linja perikoluża li tista’ tkisser il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-Istat.”
Ingħadilna wkoll li sistema ta’ riabilitazzjoni tista’ tkun kredibbli biss jekk il-priġunier jifhem li kull benefiċċju hu marbut mal-kondotta tajba.
“Jekk il-priġunier jitgħallem li l-ksur tar-regoli jista’ jwassal għal xi tip ta’ ‘premju’, il-messaġġ qed jintilef kompletament. Dan mhux biss jaqta’ qalb l-uffiċjali, imma jnaqqas ukoll l-effettività tar-riabilitazzjoni.”
Il-fiduċja f’riskju
Dak li qed jiġi rrakkontat minn dawn l-uffiċjali tal-Ħabs juri immaġni perikoluża: tmexxija li, skonthom, tippremja l-ħażin u tikkastiga t-tajjeb. Dan mhux biss qed joħloq sfiduċja serja fost il-ħaddiema, imma qed ipoġġi f’riskju wkoll il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
L-uffiċjali li tkellmu ma’ Il-Mument komplew issemmu li qatgħu qalbhom bi tmexxija fejn imexxi Professur mill-Universita bħala Konsulent li għandu saħħa u poter kbir u fejn jieħu deċiżjonijiet hu iżda mbagħad jidher is-CEO… dan hu sigriet magħruf minn kulħadd u din is-sitwazzjoni qed toħloq rabja kbira.
Kif qed tinħoloq rabja kbira wkoll għar-rigward tal-promozzjonijiet li ilhom qatigħ ma joħorġu, kif ilhom ma jingħataw ir-rokonoxximenti magħrufa bħala l-Midjalja għal Servizz Twil ta’ Qadi.
Tajjeb li wieħed jagħmilha ċara wkoll li kemm is-CEO u anki s-COO jidher li ma jridux jinvestu f’dawk l-uffiċjali serji u moħħom biex iddaħħlu aktar nies minn barra bħala pajżana u nies mill-Armata.
Kollox jindika li l-uffiċjali korrettivi qed jibagħtu messaġġ ċar: jekk il-ġustizzja ma tkunx applikata b’mod ugwali għal kulħadd, l-istruttura kollha tal-Ħabs tista’ titmermer minn ġewwa.
F’demokrazija li tgħid li temmen fil-Liġi u fl-Ordni, l-Amministrazzjoni tal-Ħabs għandha turi – b’azzjonijiet konkreti – li l-premju hu għall-kunduzzjoni u l-imġiba t-tajba u l-kastig hu għall-ksur tar-regoli – mhux bil-maqlub.
Din l-istorja dehret f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>