Wara l-konferenza li seħħet fl-Iskola Primarja Maria Regina f’San Pawl il-Baħar, dan is-sit kellu l-opportunità li tintervista lill-President tal-FIFA Gianni Infantino, kif ukoll lill-FIFA Ambassadors Fabio Cannavaro u Christian Vieri.
Fil-kummenti inizjali tiegħu, Infantino stqarr li kien kuntent ħafna li dan il-proġett intgħażel biex issir ġewwa din l-iskola, li tospita ‘l fuq minn 700 student u ‘l fuq minn 50 nazzjonalità differenti. Kompla jitkellem fuq l-importanza tal-inklużjoni tat-tfal, subien kif ukoll nisa fl-isports, u qal li permezz tal-proġetti tal-FIFA Arena madwar id-dinja, din se tkun iżjed possibli.
Infantino kompla jgħid kif iħossu li kważi qiegeħd id-dar tiegħu personali meta jinsab f’pajjiżna, dan anke minħabba l-atmosfera sabiħa tal-poplu Malti kif ukoll ir-relazzjoni tajba ħafna li għandu ma’ Bjorn Vassallo, il-President tal-MFA.
Huwa faħħar ħafna lill-MFA, u fakkar anke l-fatt li l-Malta Football Association ġiet stabilità saħansitra anke qabel l-assoċjazzjoni uffiċjali tal-FIFA.
Net News tkellem ukoll ma’ Christian Vieri, l-eks attakkant ta’ Juventus, Inter, Milan, Lazio u Atletico Madrid fost l-oħrajn. Mistoqsi fuq in-nostalġija li ġabet miegħu din l-esperjenza li jara għexieren ta’ tfal jilagħbu l-futbol flimkien, huwa qal li dejjem jieħu pjaċir jara dan, u proġetti bħal dawn jippermettu biex it-tfal ikomplu jinvolvu ruħhom fil-logħba tal-futbol.
Fabio Cannavaro, oriġinarjament minn Napoli u plejer li ppublikament tkellem fuq kif it-trobija tiegħu wittiet it-triq biex issir plejer mondjali, hekk kif kien iqattgħa sigħat twal jilagħab fit-toroq, qal li huwa sentiment sabiħ li t-tfal tal-lum jistgħu jgawdu minn esperjenzi bħal dawn, grazzi għax-xogħol kollhu ta’ assoċjazzjonijiet bħal FIFA. Huwa kompla jżid li proġett bħal dan jassigura li t-tfal tagħna jkunu qed jilagħbu f’ambjent sigur.
