Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg illejla kien preżenti għall-inawgurazzjoni tal-Malta Football Centre l-ġdid tal-Malta Football Association li kien inawgurat fil-preżenza fost l-oħrajn tal-President tal-FIFA, Gianni Infantino.
Dan iċ-ċentru sportiv sar b’investiment ta’ ftit aktar minn €12-il mliljun u jinkludi stadium ġdid ta’ Kategorija 1, li jfisser li hu skont ir-rekwiżiti tal-UEFA, kif ukoll zoni oħra ta’ importanza fit-tkabbir tal-logħba tal-futbol f’pajjiżna, fosthom Ċentru għax-Xjenza Medika, spazju fejn il-plejers ikunu jistgħu jirrilassaw, binja amministrattiva u spazju ieħor fejn jistgħu jsiru l-konferenzi.
Din l-inawgurazzjoni saret f’sena importanti għall-MFA fejn l-assoċjazzjoni qed tiċċelebra 125 sena mit-twaqqif tagħha. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Borg kellu l-opportunitá jara x-xogħol li sar f’din il-binja, jiltaqa’ mal-President tal-FIFA, Infantino, u l-ogħla uffiċjali tal-MFA, fosthom mal-President tal-MFA, Bjorn Vassallo.
F’kummenti li Alex Borg kiteb fuq il-midja soċjali li qed “jawgura aktar suċċess lill-MFA għall-ġid tal-isport Malti.” Alex Borg żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista jagħraf l-isport bħala ċavetta importanti fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja.
Għal din l-inawgurazzjoni, Alex Borg kien akkumpanjat mill-partner tiegħu, Sarah.
//= $special ?>