Hekk kif il-Parlament reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu wara l-waqfa għas-sajf, l-Ispeaker tal-Kamra llejla poġġa fuq il-mejda tal-Kamra rapport ġdid ta’ kundanna mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara li jikkonferma serqa oħra tal-Gvern Laburista minn flus il-poplu.
Ir-rapport jikkonferma li l-Gvern għadda art pubblika f’Tas-Sliema għal prezz ħafna aktar baxx mill-valur vera tagħha, bil-moħbi ta’ kulħadd u b’nuqqas ċar ta’ governanza tajba.
Ir-rapport tal-Awditur jitkellem dwar art tal-poplu li kienet stmata mal-€21 miljun u li tagħha l-Gvern ġabar biss €8 miljuni. Madankollu evalwazzjoni oħra li kienet saret minn kumpanija privata ta’ awdituri evalwat l-art għal kważi €24 miljun. Dan ifisser li meta l-Gvern daħal fi ftehim li jiġbor biss €8 miljuni, il-poplu Malti mar minn taħt b’serqa ta’ €16-il miljun minn fondi pubbliċi.
Ir-rapport ta’ din il-kumpanija privata kien inżamm mistur, bl-Awditur jikkummenta li hu ta’ tħassib li ċ-Chairman kien żamm mistura din il-valutazzjoni b’detriment għall-interess pubbliku.
L-Awditur ikkummenta wkoll li b’mod anomalu, il-ħlas lid-ditta tal-awditjar li għamlet din il-valutazzjoni ġie ridirett u awtorizzat miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, dak iż-żmien Keith Schembri. Il-Kabinett ta’ dak iż-żmien ma kienx ipprovda aċċess lill-uffiċċju tal-Awditur biex janalizza l-proċeduri. Il-Lands f’dak il-perjodu kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Ian Borg, illum Viċi Prim Ministru.
Dan kollu jmur lura għall-2019 meta l-Gvern ressaq quddiem il-Parlament ir-riżoluzzjoni biex jitneħħew restrizzjonijiet fuq is-sit tal-Lukanda Fortina mill-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista kien oppona din ir-riżoluzzjoni bil-qawwa. Dakinhar il-Partit Nazzjonalista kien wissa li l-ftehim li kien imur kontra l-interess pubbliku u vvota kontra r-riżoluzzjoni fil-Parlament, kif kien għamel ukoll fil-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li ddiskuta din ir-riżoluzzjoni u oppona dan il-ftehim.
Id-dubji li kienu tqajmu dwar dan il-ftehim issa huma kkonfermati mill-Awditur Ġenerali li fir-rapport tiegħu qal li l-għotja ta’ din l-art f’ċirkostanzi xejn trasparenti timmerita investigazzjoni. L-Awditur jgħid li l-kuntratt kien irregolari, sottovalutat u mmexxi b’governanza fqira. Jgħid ukoll li kien hemm ksur gravi ta’ governanza fl-Awtorità tal-Artijiet b’kunflitti ta’ interess, soppressjoni ta’ rapporti, u informazzjoni falza ppreżentata lill-Ministru u lill-Parlament.
Il-Partit Nazzjonalista jsostni l-pożizzjoni oriġinali tiegħu meta kien qal li dan il-ftehim kien ta’ ħsara serja għall-interess pubbliku, b’telf ta’ miljuni ta’ ewro u b’governanza għal darba oħra kompromessa.
Bħall-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO), il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-għoti ta’ din l-art jimmerita investigazzjoni ulterjuri.
Fid-dawl ta’ dan kollu, fil-Parlament illejla l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ressaq Mozzjoni biex il-Kamra tad-Deputati tiddibatti b’urġenza dan il-każ minħabba li huwa materja ta’ importanza pubblika urġenti, u ta’ theddida għall-fiduċja fil-governanza tajba. Wara li l-Gvern oġġezzjona għal din it-talba u nħliet siegħa sakemm l-Ispeaker ta r-ruling tiegħu u rrifjuta t-talba, il-Whip tal-Gvern biddlet il-pożizzjoni u qalet li l-Gvern qed jaċċetta li jsir id-dibattitu, mingħajr ma jittieħed vot fi tmiem is-seduta.
F’intervent fil-Parlament il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex minnufih jiftaħ inkjesta pubblika dwar dan il-ftehim, waqt li jwettaq l-investigazzjonijiet kollha neċessarji. Hu talab ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga immedjatament dan l-iskandlu, u qal li jippretendi li l-awtoritajiet tal-pajjiż jagħmlu xogħolhom kif jistenna l-poplu f’każi bħal dawn.
Filwaqt li l-Gvern ta’ Robert Abela spiss jitkellem dwar trasparenza, kontabbiltà u governanza tajba, hu evidenti li dak li jgħid bil-kliem jagħmel il-kontra tiegħu bil-fatti.
Waqt li int tħallas bil-għoli biex tixtri l-ewwel proprjetà tiegħek, il-Gvern ma jiddejjaq xejn jagħti l-artijiet tagħna b’terz tal-prezz li jiswew lil tal-qalba – miljuni misruqa mingħand kull wieħed u waħda minna li, minflok, setgħu ġew investiti f’servizzi tas-saħħa aħjar għall-morda u l-anzjani tagħna, faċilitajiet edukattivi aħjar għal uliedna, u titjib fl-infrastruttura tat-toroq tagħna biex jien u int ngħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.
//= $special ?>