Lokali Qorti

Il-qtil tal-qtates f’Tas-Sliema: Wara li attakkawh, il-Ġappuniż qal li sar vjolenti u qatilhom

Il-Ġappuniż ta’ 31 sena qal li kien biss meta l-qtates attakkawh li huwa sar vjolenti. Dan meta hu kien qed jieħu ħsiebhom u jitmagħhom. Dan wassal għal qtil tal-qtates. Okamura Satoshi, li joqgħod Tas-Sliema qal dan lill-uffiċjal tal-probation meta dan kellmu diversi drabi.

Satoshi kien ammetta quddiem il-Qorti li kien responsabbli għal diversi każi ta’ qtil u ksur tal-liġi dwar il-krudeltà lejn l-annimali, wara li f’diversi zoni f’Tas-Sliema nstabu qtates mutilati. L-akkużat, qed jinżamm taħt arrest minn mindu ġie arrestat fl-1 ta’ Awwissu wara sorveljanza mill-Pulizija u identifikazzjoni permezz ta’ deskrizzjonijiet u filmati tas-CCTV.

Meta tressaq il-Qorti huwa kien ammetta wkoll li weġġa’ ħafif lil żewġ pulizija waqt li rreżista l-arrest. Fil-ħin tal-arrest tiegħu, il-pulizija sabu ħwejjeġ u affarijiet li kienu jixbhu lil dawk użati fl-attakki, fosthom ingwanti tal-latex u ikel tal-qtates.

Fil-kawża, li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża biex jintuża traduttur sabiex l-akkużat ikun jista’ jsegwi b’mod aħjar il-proċeduri. Il-probation officer Matthew Fleri Soler ippreżenta rapport li fih ġie kkonfermat li l-imputat ammetta li kiser il-liġi dwar il-benesseri tal-annimali u li rreżista l-arrest.

Ir-rapport indika li hu għandu rekord kriminali nadif f’Malta, qatt ma serva piena ta’ ħabs u m’għandux każijiet pendenti. Ġie nnotat ukoll li m’għandux problemi ta’ vizzji u testijiet tal-awrina wrew li ma kienx taħt l-influwenza ta’ sustanzi.

L-imputat spjega lill-probation officer li l-vjolenza tiegħu kienet tirriżulta minn meta l-qtates kienu qed jagħmlu għalih u jigdmuh u jikkaġunawlu xi feriti waqt li kien qed jipprova jitmagħhom, u insista li qatt ma kellu l-intenzjoni joqtol.

Fl-istess waqt irrakkonta li trabba f’ambjent diffiċli, immarkat minn pressjoni akkademika kbira u abbuż verbali minn missieru, fatturi li sostna li kkontribwew għal xi reazzjonijiet vjolenti. L-istat tiegħu ta’ saħħa mentali ġie nnotat bħala ta’ tħassib, u matul il-proċess ħareġ ukoll li hu kien segwit minn professjonist f’dan il-qasam.

Id-difiża, rappreżentata mill-avukati Adreana Zammit u Marion Camilleri, qalet li jekk il-Qorti tasal biex tagħtih piena ta’ ħabs, din għandha tkun akkumpanjata minn interventi terapewtiċi, kif issuġġerit fir-rapport.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Eliot Magri, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal li verifiki ma’ Europol ikkonfermaw li l-akkużat ma għandux rekord kriminali fil-Ġappun jew fir-Renju Unit. Matul is-seduta attendew ukoll diversi membri rrabjati tal-komunità tal-qtates.

Il-każ se jkompli jinstema’ fit-30 ta’ Settembru li ġej.