Lokali Parlament

Ir-responsabbiltà taqa’ fuq il-gvern u l-ministru responsabbli

Rebekah Borg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg sostniet fil-parlament li r-responsabbiltà għall-iskandlu tal-Lukanda Fortina taqa’ fuq il-gvern u l-ministru responsabbli.

Rebekah Borg qalet li dan ir-rapport dwar il-Fortina igiddeb dak li qal il-Prim Ministru dwar l-art pubblika u sostniet li d-deputati tal-gvern qed jirrifjutaw li jitkellmu dwar dan ir-rapport tal-Lukanda Fortina. Mhuwiex veru li l-affarijiet inbidlu fl-Awtorità tal-Artijiet, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li ma jistax ikun li l-ministru responsabbli ma ngħatax l-informazzjoni korretta għaliex ir-responsabbiltà taqa’ fuq il-Ministru responsabbli.

Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni fl-Awtorità tal-Artijiet huma tal-mistħija u mimlija ħabi; din hi sitwazzjoni diżgustanti, sostniet Rebekah Borg, li sostniet li jkun hemm informazzjoni nieqsa u ħabi totali. Dan seħħ fil-każ Tal-Qortin fil-Mellieħa u l-isqaq ta’ Villa Rosa.

Il-Gvern qed jagħti l-impressjoni li meta ngħata l-art lill-Fortina ma kien ġara xejn. Dan juri li l-art tal-gvern hi f’idejn il-ftit. X’se jsir issa? Il-flus misruqa se jingħataw lura?

Hi appellat biex jinbidel l-mof kif isiru l-valutazzjonijiet għaliex hemm kwistjonijiet tekniċi waqt li għandhom jittieħdu azzjonijiet lura biex il-flus misruqa jirritornaw għand iċ-ċittadin.