“L-isbaħ ħaġa fil-politika hija dak li tagħmel behind closed doors, fejn tagħti widen lill-batut, lill-ħaddiem u lil dawk li jistgħu jkunu aħjar”.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, meta kien intervistat mill-ġurnalist Mark Lawrence Zammit waqt Times Talk. Fejn huwa rrisponda l-mistoqsijiet kollha li sarulu; minn dawk fuq l-abort u l-ewtenasja sal-viżjoni ekonomika fost l-oħrajn.
Fl-intervista li saret il-Ħamis, u xxandret il-Ħadd, Alex Borg spjega li meta jiġu diskussi temi sensittivi bħalma hi l-ewtenasja, kulħadd irid ikun empatiku – iżda dan ma jfissirx li jintilfu l-valuri tagħna. Fejn anke spjega li fejn tidħol l-ewtenasja, hu se jkun qed jagħti l-free vote lid-deputati Nazzjonalisti.
Alex Borg spjega wkoll li minkejja li hu ma jaqbilx mal-abort – ma jfissirx li se jkun qed joħnoq id-diskussjoni f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega wkoll li hu jemmen li l-investiment għandu jsir fil-Maltin filwaqt li jsir studju dwar liema setturi għandhom bżonn il-barranin.
F’intervista ta’ madwar tliet kwarti, Alex Borg spjega kif il-familji Maltin u Għawdxin tilfu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Alex Borg anke ddikjara li għandna ninvestu f’niċeċ ekonomiċi ġodda bħalma hu l-intelliġenza artifiċjali.
Alex Borg qal ukoll li pajjiżna jeħtieġ local plans aġġornati u anke skyline policy speċjalment wara ż-żieda fit-torrijiet f’pajjiżna.
//= $special ?>