Lokali Temp

Is-sena tax-xita 2024-2025 kienet iżjed xotta min-norma klimatika iżda ħafna aħjar mix-nixfa tas-sena ta’ qabel

Novembru 2024 u Frar 2025 kienu l-aktar xhur li pproduċew xita matul l-aħħar sena tax-xita. Tmien xhur kienu aktar xotti min-norma klimatika; Frar, Marzu u Mejju jpattu għalihom. Ottubru kien l-aktar xahar li ddiżappunta hekk kif matulu tkejlu 73.4 mm inqas xita min-norma

Hekk kif jibdew jidhru l-ewwel sinjali tar-rebbiegħa li jimmarkaw il-bidu ta’ sena tax-xita ġdida, nagħtu ħarsa lejn is-sena tax-xita li għaddiet li tkopri l-perjodu bejn Settembru 2024 u Awwissu 2025 u kif din tikkumpara ma’ snin preċedenti.

Is-sena tax-xita li għadha kif intemmet kienet it-tieni sena konsekuttiva li pproduċiet inqas xita min-norma klimatika ta’ 545.3 mm. Fil-fatt, bejn Settembru 2024 u Awwissu 2025, niżlu fuq il-Gżejjer Maltin total ta’ 457.8 mm xita. Dan ifisser 87.5 mm inqas min-norma klimatika, jew kważi daqs il-kwota għax-xahar sħiħ ta’ Diċembru.

Iżda kif jgħid il-Malti, kull ilma jaqta’ l-għatx, aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra kif matul is-sena ta’ qabel (2023-2024), tkejlu biss 249.8 mm xita, biex din tniżżlet bħala t-tieni l-aktar sena ta’ xita xotta fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku. Dan ifisser li l-aħħar sena tax-xita ġabet magħha 208.0 mm iżjed xita minn dik preċedenti.

Ħarsa lejn is-sena tax-xita xahar b’xahar, turina kif tmien xhur kienu aktar xotti min-norma klimatika, filwaqt li l-bqija, jiġifieri Frar, Marzu, Mejju u Awwissu kienu aktar milwiena. Minn dawn, l-aktar xhur li għamlu tajjeb għan-nixfa tal-bqija kienu Marzu (81.0 mm xita – 41.3 mm aktar mill-kwota) u Mejju (36.6 mm xita – 26.4 mm aktar mill-kwota).

Għalkemm Ġunju u Lulju kienu x-xhur l-aktar niexfa, għax baqgħu kompletament qoxqox, Ottubru 2024 kien l-aktar xahar li ddiżappunta, hekk matulu tkejlu biss 4.2 mm xita, jiġifieri 73.4 mm inqas mill-kwota.

Ix-xitwa meteoroloġika kienet l-aktar staġun milwien tas-sena. F’dan l-istaġun tkejlu 201 mm xita. Ir-rebbiegħa (Marzu, April u Mejju 2025) kienet milwiena kważi daqs il-ħarifa (Settembru, Ottubru u Novembru 2024), hekk kif matul dawn l-istaġuni l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 121.2 mm u 124.8 mm xita, rispettivament. Kif wieħed jistenna, is-sajf kien l-aktar staġun xott, bl-10.8 mm xita mkejla matul l-istaġun jinżlu kollha f’Awwissu, hekk kif l-għerejjex ta’ Santa Marija waslu eżatt fi żmienhom.

L-aktar jum milwien tas-sena tax-xita kien il-25 ta’ Marzu, hekk kif dakinhar ninżlu fuq il-Gżejjer Maltin 34.4 mm xita. Fost l-istazzjonijiet tat-temp, dak tal-Imsida kejjel l-aktar xita (450.4 mm), filwaqt li dak tax-Xewkija kejjel l-inqas (324.0 mm).