Lokali Qorti

Jaqa’ każ ta’ vjolenza domestika fuq talba tal-vittma

Il-Qorti tal-Maġistrati t-Tnejn għalqet każ ta’ vjolenza domestika fuq talba tal-vittma, wara li din qalet li ma xtaqitx li jkomplu l-proċeduri relatati ma’ inċident li kien seħħ fil-jum tal-funeral ta’ omm l-akkużat.

Ir-raġel ta’ 56 sena kien akkużat li weġġa’ lis-sieħba tiegħu u heddidha. L-Ispettur Colin Sheldon spjega kif it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika kienet ġiet infurmata dwar l-inċident fis-27 ta’ Awwissu, wara li l-mara kienet ittieħdet l-Isptar Mater Dei mill-pulizija tad-distrett.

Dak inhar, il-koppja kienet attendiet il-funeral ta’ omm l-akkużat u meta marru lura d-dar, qamu xi argumenti. F’ħin minnhom, il-mara qalet lill-akkużat “mur oqgħod ma’ ommok”, iżda malajr indunat li kienet għamlet żball u ppruvat tiskuża ruħha.

Minkejja dan, ir-raġel irrabja u telaq mid-dar. Meta l-mara marret warajh, huwa sar vjolenti u qalliha biex titlaq mid-dar u “tmur lura f’pajjiżha.” Il-feriti li sofriet il-vittma ġew iċċertifikati bħala gravi. Aktar tard, hi ċemplet lill-ispettur tal-pulizija u qaltlu li ma riditx tressaq il-każ kontra l-akkużat, iżda ġiet infurmata li dan kien possibbli biss wara li jitressaq il-Qorti.

Matul is-seduta, il-mara reġgħet insistit li ma riditx tkompli bil-proċeduri, u qalet li l-partner tagħha kien ta’ għajnuna kbira għaliha. Il-Qorti, wara li żgurat li d-deċiżjoni tagħha ttieħdet b’mod liberu u konxju tal-konsegwenzi, iddikjarat il-proċeduri magħluqa.

Ma tħallewx jixxandru l-ismijiet tal-persuni involuti. Il-kawża nstemgħet quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, bl-Ispettur Colin Sheldon imexxi l-prosekuzzjoni u l-avukat Martin Farrugia jassisti lill-akkużat bħala avukat tal-għajnuna legali.