Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq iPhone f’Paceville

Raġel ta’ 25 sena nżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkuża li seraq iPhone mingħand persuna oħra f’Paceville f’Lulju li għadda. Eidle Abdifatah, Somalu residenti f’Birżebbuġa, tressaq il-Qorti akkużat b’serq aggravatt u bħala reċidiv.

L-inċident imur lura għall-20 ta’ Lulju, meta raġel irrappurta lill-Pulizija li l-mobile tiegħu spiċċa nieqes waqt li kien f’ħanut tad-divertiment (nightclub) f’Paceville. Aktar tard, filmati ta’ CCTV għenu lill-investigaturi jidentifikaw lis-suspettat, filwaqt li l-allegat vittma kkonferma li Abdifatah kien il-persuna li ħadet il-mobile.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li l-akkuża ma kinitx waħda ta’ natura partikolarment gravi. Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, u saħqet li kull reat li jġib miegħu piena ta’ ħabs effettiva għandu jitqies serju u li hemm riskju ta’ ndħil fil-provi jekk l-akkużat jinħeles.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, qablet mal-prosekuzzjoni u ddeċidiet li l-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju jista’ jikkomprometti l-investigazzjoni. Għaldaqstant, Abdifatah ġie miżmum taħt arrest sakemm jitkomplew il-proċeduri.

Il-każ qed jiġi pprosekwit mill-avukat Clive Aquilina, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistit mill-Ispetturi Kelsey Bugeja u Christian Xuereb, filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia qed jidher għall-akkużat.