Matul il-lejl tal-Ħadd ġiet organizzata s-77 edizzjoni tal-Emmy Awards, li fihom jiġu ppremjati għadd ta’ produzzjonijiet televiżivi f’diversi kategoriji differenti.
Is-serje The Pitt rebħet il-premju tal-aqwa serje drama, filwaqt li The Studio rebaħ il-premju tal-aqwa serje comedy. Il-premju tal-aqwa serje limitata ntrebaħ minn Adolescence. Din il-produzzjoni rebħet ukoll għadd ta’ kategoriji oħra.
Minkejja li kien hemm numru kbir ta’ rebbieħa, attur minnhom spikka fuq kulħadd… u dan kien Owen Cooper, li kiteb l-istorja bħala l-iżgħar rebbieħ maskili tal-Emmys fl-etá ta’ 15-il sena. Hu rebaħ il-premju tal-aqwa attur sekondarju f’serje limitata, għall-produzzjoni Adolescence.

Minkejja dan is-suċċess għal Cooper, jibqa’ l-fatt li fl-1984 l-attriċi Roxana Zal kienet rebħet Emmy fl-etá ta’ 14-il sena għas-serje Something About Amelia.
Intant, mis-serje The Pitt, l-attur Noah Wyle rebaħ il-premju tal-aqwa attur fi drama, filwaqt li mis-serje Severance l-attriċi Britt Lower rebħet il-premju tal-aqwa attriċi fi drama.
Mix-xena tal-comedy, Seth Rogen rebaħ il-premju tal-aqwa attur għas-serje The Studio, u Jean Smart rebħet il-premju tal-aqwa attriċi għas-serje Hacks.
Il-premju ta’ Outstanding Talk Series intrebaħ mis-serje The Late Show with Stephen Colbert, filwaqt li l-premju tal-aqwa Reality Competition Programme ntreba] minn The Traitors.
Is-serje The Studio ħareġ rebbieħ f’din is-serata, hekk kif rebaħ 13-il premju. U wara, kemm Adolescence u anke Severance ġew it-tieni f’din is-serata b’9 premjijiet kull wieħed.
