Knisja Lokali

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma se jżur l-Awstralja

Kien konfermat illi l-Isqof Anton Teuma ser ikun qed jagħmel żjara lill-komunitajiet Għawdxin u Maltin fl-Awstralja.

Dan hekk kif kienu bosta l-emigranti minn pajjiżna li matul iż-żmien erħewla lejn l-Awstralja – hekk kif ix-xogħol f’pajjiżna kien limitat.

L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma permezz ta’ din iż-żjara ser ikun qed idur diversi minn dawn il-kommunitajiet fl-Awstralja. Kommunitajiet li b’modi differenti żammew il-kultura Maltija ħajja anke fl-Awstralja, dan jidher mill-fatt li diversi postijiet li ser iżur hemm fihom knejjes li hawn f’Malta u f’Għawdex.

L-Isqof ser ikun qed iżur kemm Sydney u anke Melbourne bejn is-27 ta’ Settembru u t-8 ta’ Ottubru.

Tul iż-żjara tiegħu l-Isqof Anton Teuma ser ikun impenjat b’diversi appuntamenti.

U ser jiċċelebra l-quddiesa tal-Festa ta’ Sidtna Marija Sultana tal-Paċi fi Greystanes, flimkien mal-Isqof tal-post, fejn hemmhekk ser tiġi inkurunata l-istatwa tal-Madonna.

F’Sydney wkoll ser jiltaqa’ ma’ diversi Assoċjazzjonijiet Maltin fil-George Preca Centre u La Vallette Social Centre, waqt li ser jiċċelebra l-quddiesa f’diversi knejjes. Fl-1 ta’ Ottubru ser ikun qed jiltaqa’ b’mod uffiċjali mal-komunitajiet Għawdxin u Maltin residenti f’Sydney.

Intant, f’Melbourne l-ewwel żjara tal-Isqof ser tkun waqfa f’Bacchus Marsh, fejn hemmhekk ser jiltaqa’ mal-voluntieri li jgħinu fil-Knisja tal-Madonna ta’ Pinu. Ser imexxi wkoll quddiesa fil-Knisja ta’ San Pawl.

U l-aħħar appuntament tal-Isqof Anton Teuma fl-Awstralja ser ikun fl-okkażjoni tal-Festa tal-Madonna tar-Rużarju fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Bernardina, f’Sunshine North.