Knisja Lokali

L-Isqof ta’ Għawdex se jżur l-Awstralja

L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma se jagħmel żjara lill-komunitajiet Għawdxin u Maltin fl-Awstralja. Hu se jżur kemm Sydney u kemm Melbourne bejn is-27 ta’ Settembru u t-8 ta’ Ottubru 2025.

F’Sydney, flimkien mal-Isqof tal-post, l-Isqof ta’ Għawdex nhar il-Ħadd 28 ta’ Settembru, fil-12.15pm (ħin lokali), se jiċċelebra l-quddiesa tal-Festa fil-Knisja ta’ Sidtna Marija Sultana tal-Paċi, fi Greystanes, li fiha se tiġi inkurunata l-istatwa tal-Madonna. L-għada, it-Tnejn 29, fid-9.15am hu ser imexxi quddiesa fl-istess knisja, waqt li fil-11.00am, fil-George Preca Centre, hu se jiltaqa’ ma’ diversi Assoċjazzjonijiet Maltin f’Sydney.

L-Erbgħa l-1 ta’ Ottubru, l-Isqof se jiltaqa’ uffiċjalment mal-komunitajiet Għawdxin u Maltin residenti f’Sydney. Fid-9.15am se jiċċelebra quddiesa fil-Knisja ta’ Sidtna Marija Sultana tal-Paċi, u mbagħad ikompli jsellem lin-nies fil-George Preca Centre.

Il-Ħamis 2 ta’ Ottubru, fl-10.00am se jiċċelebra quddiesa fil-La Vallette Social Centre, u wara jkompli jsellem lill-Maltin u Għawdxin preżenti.

It-tieni parti taż-żjara, f’Melbourne, tiftaħ b’waqfa f’Bacchus Marsh fejn il-Ġimgħa 3 ta’ Ottubru fis-1.00pm l-Isqof se jiltaqa’ mal-voluntiera li jgħinu fil-Knisja tal-Madonna Ta’ Pinu, u l-għada s-Sibt 4 ta’ Ottubru, jiċċelebra l-quddiesa hemm fit-3.30pm

Il-Ħadd 5 ta’ Ottubru, l-Isqof, fit-8.00am se jmexxi quddiesa fil-Knisja ta’ San Pawl f’Kealba, u fit-3.30pm mistenni jieħu sehem f’Servizz Liturġiku Internazzjonali.

It-Tnejn 6 ta’ Ottubru, fl-10.00am huwa se jiċċelebra quddiesa għar-residenti tar-Rosary Home f’Keilor Downs u jippranza magħhom. It-Tlieta 7 ta’ Ottubru, waranofsinhar l-Isqof se jkollu laqgħa privata mal-Arċisqof ta’ Melbourne Peter Comensoli.

L-aħħar appuntament taż-żjara tal-Isqof Anton Teuma fl-Awstralja se jkun l-Erbgħa 8 ta’ Ottubru fejn fid-9.00am jiċċelebra l-quddiesa fis-St Paul’s Maltese Community Centre.