Robert Cutajar
Whip
Grupp Parlamentari
Partit Nazzjonalista
Għada t-Tnejn lura għall-Parlament wara waqfa qasira għax-xhur tas-sajf. Xhur sajfin li kienu karatterizzati bil-kampanja tal-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kienu xhur li rajna entuzjażmu ħaj fil-Partit Nazzjonalsita.
Lura fil-Parlament b’Kap ġdid fejn bi preparazzjoni għall-ftuħ tal-Parlament fl-aħħar jiem diġà tlaqqa’ l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u l-ewwel laqgħa tmexxiet mill-Kap il-ġdid Alex Borg.
Għada fil-fatt qabel is-seduta, il-Kap tagħna Alex Borg se ikun qed jiltaqa’ mal-Ispeaker Anġlu Farrugia fl-uffiċċju tiegħu fil-Parlament. Il-Kap tal-Oppozizzjoni se jkun akkumpanjat minni bħala l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u mid-Deputat Whip Paula Mifsud Bonnici.
L-ewwel żewġ Abbozzi li se jkunu qed jiġu diskussi fil-Parlament se jkunu l-ewwel dwar il-prevenzjoni ta’ sewqan taħt l-influwenza tad-droga u l-alkohol u l-Abbozz l-ieħor li jitratta t-twaqqif tal-Qorti tal-Kummerċ.
L-Oppożizzjoni hi ppreparata b’numru ta’ kelliema li ser ikunu qed jagħmlu l-pożizzjoni ċara tal-Oppożizzjoni anke fuq dawn iż-żewġ Abbozzi.
Fil-ġimgħat ta’ wara ovvjament l-attenzjoni ddur kollha fuq il-Bagit għas-sena d-dieħla fejn filwaqt li dan ser ikun qed jitressaq fl-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru, ix-xahar ta’ Novembru jkun prattikament kollu ddedikat fuq l-estimi ta’ kull Ministeru fejn kull Deputat ikun qed jagħmel diskorsi fil-Parlament b’rabta prinċipalment mad-dekasteri fdati lilu mill-Kap.
Irrid ngħid li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kollu jinsab lest biex inkomplu fejn li ħallejna qabel il-waqfa tas-sajf.
Iffukati u determinati
Grupp dejjem aktar iffukat u determinat li jkompli jaqdi d-doveri tiegħu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Doveri u obbligi lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
Segwejt b’attenzjoni l-laqgħa li kien hemm jumejn ilu bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u l-Prim Ministru Robert Abela. Filwaqt li l-Kap Alex Borg baqa’ jkun ċar u konsistenti fid-diskorsi tiegħu kif kien fl-ewwel jiem tat-tmexxija tiegħu fejn saħaq li bil-fatti se jkun qed iħares lejn l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi mingħajr distinzzjoni, iżda b’aċċenn fuq ir-rispett u dan f’kull diskors u azzjoni tiegħu.
Saħaq ukoll dwar l-importanza li l-Gvern jagħti widen bis-serjetà għal dak li tkun qed tgħid l-Oppożizzjoni.
Fl-intervent tiegħu l-Prim Ministru,waqt din il-laqgħa, stqarr li pajjiżna dieħel f’wieħed mill-iktar mumenti eċċitanti. Saħaq li ma jistax jasal għal dan il-mument bl-aqwa mod jekk ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ partiti.
Nemmen bis-sħiħ li biex il-Gvern jibda jibgħat messaġġ pożittiv u mill-kliem jgħaddi għall-fatti jrid jibda bis-serjetà jirrispetta lill-Oppożizzjoni fil-Parlament.
Proposti pożittivi
Irid jagħti widen għall-proposti pożittivi li tressaq l-Oppożizzjoni anke fil-Parlament. Il-Gvern irid b’mod immedjat itella’ għad-diskussjoni fil-Parlament abbozzi ta’ liġijiet imressqa minn Deputati tal-Oppożizzjoni li l-intenzjoni tagħhom hi biss biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Jekk il-Gvern irid jibgħat messaġġ pożittiv li verament irid jaħdem mal-Oppożizzjoni, allura jrid jibdel b’mod immedjat il-fatt li l-Oppożizzjoni tista’ ttella’ l-abbozzi tagħha darba biss kull sitt xhur.
Biex il-Gvern jibda jitwemmen għat-ton li bih tkellem il-Prim Ministru fil-laqgħa li kellu mal-Kap Nazzjonalista l-ġdid Alex Borg, allura l-istess Gvern irid jara li bis-serjetà, anke fil-Parlament, il-Ministri tiegħu jkunu trasparenti u mhux jibqgħu jaħarbu milli jwieġbu d-Domandi Parlamentari.
Ma jistax ikun li f’leġiżlatura jibqa’ jkollna eluf ta’ Domandi Parlamentari mressqa mill-Oppożizzjoni u jibqgħu ma jiġux imwieġba mill-Ministri tal-Gvern.
Din l-attitudni trid tinbidel u minn hemm allura l-Gvern jista’ jibda jittieħed bis-serjetà u jibda jitwemmen li verament jixtieq jara aktar ħidma konġunta bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Ħidma kollettiva
Bħala Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni, spalla flimkien mal-Kap il-ġdid Alex Borg u mal-kumplament ta’ sħabi d-Deputati se naraw anke li fil-Parlament inkomplu nkunu effettivi u determinati fil-ħidma tagħna: ħidma li finalment trid twassal biex nagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi alternattiva aħjar fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż.
Konvinti, b’umiltà, li dan hu l-mument biex flimkien nagħtu lill-pajjiżna l-futur li jixraqlu… futur aħjar b’viżjoni ċara fejn filwaqt li nħarsu dak li ħallewlna ta’ qabilna, noffru wkoll tama u kuraġġ lill-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk li ġejjin warajna.
Dan kollu flimkien nistgħu nwettquh.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>