Opinjoni

OPINJONI: Kapitlu ġdid… il-Kap li se jwassalna għar-rebħa elettorali

Aħna Partit li jrid ikompli jissaħħaħ, jaspira, iġedded lilu nnifsu u jkun l-għażla naturali tal-poplu li jrid in-normalità, is-serħan tal-moħħ u l-ġustizzja soċjali

Charles Azzopardi
Shadow Minister għad-Delizzji
u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja

ll-Partit Nazzjonalista hu papabbli aktar minn qatt qabel u qed joffri opportunità ġdida biex bosta, li qatgħu qalbhom mill-politiċi u l-politika, jissieħbu miegħu.
Gvern Nazzjonalista li jkun jista’ jsewwi, ifejjaq u jdewwi l-ġrieħi li għandu dan il-pajjiż. Dan jista’ biss jintlaħaq jekk tassew nemmnu li f’pajjiżna għandna bżonn is-saltna tad-dritt u li din hija opportunità unika biex insalvaw pajjiż u nħarsu l-identità tagħna.
Irridu nkunu aktar proattivi u l-aġenda nagħmluha aħna u mhux nistennew li jagħmilha f’isimna l-Partit Laburista.
Fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin il-Partit Nazzjonalista sejjer ikun il-protagonista u l-katalist tal-bidla li pajjiżna għandu bżonn aktar mill-ħobż u l-ilma. Biex isir dan, irridu lkoll ningħaqdu.
Il-Partit Nazzjonalista, wara r-riżenja ta’ Bernard Grech minn Kap tal-Partit, talab lit-tesserati tiegħu u fdalhom missjoni. Dik li jagħżlu suċċessur u Kap ġdid.
Għażla diffiċli bejn żewġ kandidati li offrew opportunità ġdida u komda biex il-Partit Nazzjonalista jkun l-għażla naturali tal-poplu Malti u Għawdxi. Minn din l-elezzjoni ħadd ma ħareġ tellief, ħadd ma rebaħ ħlief il-Partit Nazzjonalista. Partit li kompla jikteb il-145 sena ta’ storja tiegħu.
L-elezzjoni interna bejn iż-żewġ kontestanti kienet opportunità fejn il-Partit Nazzjonalista u l-partitarji reġgħu mill-ġdid urew li l-Partit għadu ħaj, attiv u mxennaq biex jirbaħ. Issa li l-għażla saret, dak li appoġġaw lil Adrian Delia u dawk li appoġġaw lil Alex Borg, iridu flimkien jimxu wara l-Kap il-ġdid.
Il-Partit Nazzjonalista bħala familja. F’kull żmien għandu x-xerjiet tiegħu, u bħal bosta ħwejjeġ oħra dawn ix-xejriet jinbidlu, bħalma jinbiddlu l-burdati u mbagħad importanti li jindifnu f’bir għammieq li jnessi kollox.
Niftakru biss li rridu nirbħu u niksbu s-suċċessi fi ħdan il-Partit biex bl-isforzi tagħna jirbaħ il-pajjiż. Għalhekk jeżisti partit politiku kbir u ħaj bħalma hu l-Partit Nazzjonalista.
Partit ma jistax jaspira li jibqa’ relevanti jekk ma jirnexxilux jiġġedded fl-istruttura, fit-tmexxija u fil-ħsieb jekk irid xi darba jemmen li jista’ jigverna.
U dan huwa l-mument biex nirbħu. Hawn qiegħed niġbed sentenza billi nislet partijiet mill-motto taż-żewġ kandidati tagħna. Nemmen bis-sħiħ li jekk irridu nirbħu kapaċi nagħmlu dan. Kull bidla u titjib merħba biha. Issa rridu nisfruttaw l-arja ta’ freskezza li mill-ġdid wera li ħa l-Partit Nazzjonalista. Wasal il-waqt li ma nibqgħux ngħixu f’ambjent rassenjat li nibqgħu fl-oppożizzjoni.

Nkunu kapaċi ninbidlu
Ma nistgħux nimxu skont programm, minn jum għal ieħor skont kalendarju fiss li jindera, imma rridu nkunu kapaċi nibdlu u ninbidlu.
Ninbidlu biex inkunu l-għażla li jridu n-nies. Inkomplu nitkellmu man-nies fil-pjazez, nidħlu fil-kċina u fis-salott tan-nies. Waqt li nitkellmu fuq l-issues li l-aktar qegħdin jinkwetaw u jippreokkupaw lill-familji tagħna, liż-żgħażagħ tagħna, lis-sidien tan-negozji, lis-Self-Employed, lill-konsumaturi u lill-għaqdiet, irridu nkunu l-Partit tas-soluzzjonijiet.
Bħalma konna matul dawn l-aħħar ħames snin. Qiegħed immur lura ħames snin għax kien matul dawn l-aħħar ħames snin li bdejt naħdem qatigħ fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista fil-jiem li ġejjin sejjer ikun dejjem aktar disponibbli u f’sitwazzjoni li jressaq il-proposti tiegħu għand kulħadd. Billi nisimgħu b’widnejn ħaddieħor u naraw x’qegħdin jistennew mingħandna n-nies.
Irridu nkunu aktar minn qatt qabel il-Partit li jkun viċin l-aspirazzjonijiet, ix-xewqat u l-aspettazzjonijiet hemm barra. Bħala Partit u ninsab ċert li l-Kap il-ġdid sejjer jattira u jirbaħ lil dawk kollha li qed isibuha diffiċli biex jikkalibraw ħajjithom mal-problema tal-għoli tal-ħajja, maż-żieda fit-traffiku u fil-poplazzjoni.
Irridu issa aktar minn qatt qabel inkunu l-għażla tal-elettorat li baqa’ d-dar u li astjena milli jivvota fl-aħħar elezzjonijiet tal-2017, 2019, 2022 u 2024.
Hemm kważi mitt elf ruħ li minn elezzjoni għall-oħra qegħdin jiddeċiedu li ma jiddeċidux dwar liema partit huwa l-aħjar biex jiggverna. Għax mhux qegħdin jaraw tama li l-affarijiet f’dan il-pajjiż jistgħu jinbidlu. Aħna rridu nkunu, issa b’kap ġdid li nattiraw u nirbħu l-moħħ u l-qalb ta’ dawk kollha li jridu Malta ġusta, Malta ħanina ma’ kulħadd, Malta li ma tarax kuluri, Malta li għad għandha r-rispett lejn lejha nnifisha.
Dan is-sens ta’ ħeġġa fil-Partit Nazzjonalista nemmen li jista’ jwassal biex nirbħu l-elezzjoni li jmiss, għal kulħadd, mhux għal ftit tal-qalba li dejjem jinkinaw lill-Partit Laburista.
Irridu nħabbtu l-bibien u nidħlu fil-qalb ta’ dawk li qatt ma vvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Dan nemmen li nistgħu nagħmluh. Irridu nagħmlu l-għażliet it-tajba. Għażliet li mhumiex biss dawk il-passi li jidhru istintivi, naturali jew meħudin b’risposta għall-aġenda tal-Partit Laburista.
Quddiem Gvern li pparkja quddiem il-problemi ta’ kuljum tan-nies, aħna nistgħu nkunu l-għażla ġusta u naturali tal-maġġoranza l-kbira tal-elettorat.
Wasal iż-żmien li dan il-Partit iħares ’il quddiem. Jekk irridu nistgħu nagħtu rebħa lill-Partit. Rebħa mill-Partit Nazzjonalista tfisser bidu ġdid biex insewwu dak li nħatt u tfarrak f’dik li hija trasparenza, meritokrazija u demokrazija.
Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun aktar konvinċenti milli sperimentali. Fil-ħajja trid timxi u taqa’, taqa’ u tqum u titfarfar mit-trab u mill-ġrieħi, tkompli temmen fik innifsek, tkompli taħdem bla waqfien u tirbaħ.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Settembru, 2025.