Lokali

Patri Vince Micallef elett mill-ġdid pirjol provinċjali tal-Provinċja Dumnikana Maltija

Patri Vincent Mary Micallef ġie elett mill-ġdid bħala pirjol provinċjali tal-Provinċja Dumnikana Maltija waqt il-Kapitlu Provinċjali li sar fil-Kunvent Dumnikan tal-Belt Valletta, nhar is-Sibt 13 ta’ Settembru 2025.

Patri Vincent Mary Micallef OP twieled il-Belt Valletta, Malta, fit-2 ta’ Marzu 1950, minn Victor u Mary Micallef, ir-raba’ minn sitt ulied. Għadda seba’ snin bħala abbati fil-knisja ta’ San Nikola, magħrufa bħala l-Knisja tal-Erwieħ, imnejn kien magħżul biex imur iservi s-servizz liturġiku fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan, fejn kien fost l-abbatini tal-ewwel grupp li wettaq dan is-servizz. Ingħaqad mal-Ordni Dumnikan fit-8 ta’ Settembru 1967, u għamel l-ewwel professjoni reliġjuża tiegħu fit-22 ta’ Settembru 1968, u wara għamel il-professjoni solenni fl-1971. Ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974, fi grupp ta’ ħamsin, mill-E.T. Mons Mikiel Gonzi, Arċisqof ta’ Malta. Wara li ngħaqad mal-Ordni, kompla l-istudji tiegħu fil-Kulleġġ Filosofiku u Teoloġiku ta’ San Tumas ta’ Akwinu, fir-Rabat, Malta.

Fl-1978 intbagħat bħala Missjunarju fil-Komunità Dumnikana Maltija fil-Brażil, fejn baqa’ għal 30 sena. Fil-Brażil serva bħala kappillan f’diversi parroċċi, kif ukoll bħala surmast tal-prenovizzi, novizzi, u studenti fil-formazzjoni. Hemmhekk kompla wkoll studji oħra fl-Università Pontifiċja Kattolika, fejn kiseb Liċenzja fil-Filosofija, u Masters fix-Xjenzi tar-Reliġjon. Għal xi żmien, għallem fil-Fakultà Dumnikana tat-Teoloġija São Paulo u serva wkoll bħala vigarju tal-provinċjal għall-missjunarji Maltin fil-Brażil. Matul dan iż-żmien, fost ħafna xogħol pastorali, huwa kien kappillan tal-parroċċi ta’ Faxinal u Curitiba fl-Istat tal-Paraná, u fil-Belt ta’ São Paulo, fl-Istat ta’ São Paulo. Bejn l-2006 u l-2009, ġie elett Provinċjal tal-Provinċja Dumnikana fil-Brażil, Bartolomeu de Las Casas. Huwa fundatur tal-Iskola ta’ tfal u żgħażagħ b’vulnerabiltá fiżika u mentali (APAE) ġewwa ir-raħal ta’ Faxinal, PR, Brażil, fl-1983, u fl-1995 huwa wkoll irċeva t-titlu ta’ Ċittadin Onorarju tal-Belt ta’ Curitiba, PR, għax-xogħol pastorali qalb il-fqar fil-favelas. Barra minn hekk, kull fejn kien huwa dejjem kien imexxi korijiet ta’ tfal, żgħażagħ u adulti.

Fl-2010 reġa’ lura Malta, huwa okkupa l-kariga ta’ viċi kappillan fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa. Tliet snin wara, fl-2013, ġie appuntat bħala vigarju tal-provinċjal, pirjol u kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, fi Gwardamanġa, fejn ġie appuntat mill-E.T. Mons. Arċisqof Pawlu Cremona OP, fil-15 ta’ Diċembru. Huwa wettaq il-ħimda ta’ kappillan għal tmien snin sakemm fil-15 ta’ Ġunju 2021 ġie elett pirjol provinċjali tal-Provinċja Dumnikana Maltija ta’ San Piju V, liema uffiċċju ġie elett għalih għat-tieni darba din is-sena.

Matul il-Kapitlu Provinċjali ġew eletti wkoll bħala diffinituri P. Claudio Borg, P. Michael Camilleri, P. Reno Muscat u P. Alan Joseph Adami. P. Pawlu Gatt u P. Aaron Zahra ġew eletti bħala kunsilliera fil-Kunsill tal-Provinċjal.

Il-Kapitlu Provinċjali huwa avveniment sinifikanti fil-ħajja ta’ Provinċja Dumnikana għax ilaqqa’ flimkien l-aħwa Dumnikani minn madwar il-gżira biex jirriflettu fuq il-ħajja u l-missjoni tal-Ordni f’Malta, filwaqt li jindirizzaw kwistjonijiet ewlenin, u jeleġġu t-tmexxija tagħhom.

Il-Kapitlu jsir kull erba’ snin u jservi bħala żmien ta’ tiġdid, djalogu, u ppjanar għall-futur.