Wara l-waqfa tas-sajf, illum reġa’ fetaħ il-Parlament u diversi ħarġu jipprotestaw kontra l-liġijiet tal-ippjanar li qed jipprova jgħaddi l-Gvern ta’ Abela.
Il-Gvern ta’ Robert Abela, b’dawn l-abbozzi, għamilha aktar diffiċli sabiex permess jiġi revokat wara appell.
Dan għaliex il-bidliet li qed jipproponi l-Gvern Laburista huma bidliet li jippermettu sistema ta’ ppjanar li ser tkun qed tiffavorixxi lill-iżviluppaturi.
Dawn il-bidliet imressqa jfissru li jekk il-Qorti tal-Appell ma tagħtix sentenza f’ħames xhur, l-iżviluppatur jista’ jibda x-xogħol fuq il-propjetà, u li s-sentenzi tal-Qorti li jiġu wara huma rrelevanti anke jekk wieħed jiddikjara li l-binja tkun illegali.
Intant, bosta kienu dawk in-nies li llum, propju l-ewwel ġurnata lura fil-Parlament wara l-waqfa tas-sajf, inġabru quddiem il-Parlament bħala protesta kontra dawn il-liġijiet il-ġodda tal-Ippjanar.
Liġijiet illi qed jagħtu aktar poter ukoll lill-Ministri.
Intant, il-Partit Nazzjonalista għadu jinsisti sabiex dawn il-liġijiet jiġu rtirati b’mod immedjat.
Ħassru l-Abbozzi tal-Liġi, Mhux l-Ambjent Tagħna
Hekk kif il-Parlament fetaħ bl-ewwel sessjoni tiegħu wara l-vaganzi tas-sajf, għexieren ta’ ċittadini wettqu azzjoni simbolika bħala parti mill-kampanja Ġustizzja għal Artna, fejn wissew dwar il-pakkett leġiżlattiv tal-ippjanar li qed jiġi mbuttat mill-Gvern, wieħed li jfisser diżastru totali għal pajjiżna.
Il-parteċipanti qagħdu barra l-Parlament lebsin bħala grim reapers biex jissimbolizzaw l-hekk imsejħa “riforma” tal-ippjanar: l-abbozzi ta’ liġi dwar l-ippjanar 143 u 144 li se jagħtu poter assolut lill-Awtorità tal-Ippjanar u jagħmluha kważi impossibbli biex il-pubbliku jikkontesta d-deċiżjonijiet korrotti tagħha, u tliet avviżi legali li jfissru amnestija ġenerali għall-illegalitajiet kollha tal-ippjanar u dawk ambjentai f’Malta u Għawdex, mingħajr limiti fuq id-daqs, it-tip, jew il-post.
Grim reapers oħra rrappreżentaw il-forzi li qed imexxu dawn il-liġijiet: ir-regħba u l-ħakma tal-iżviluppaturi.
Inġarr tebut li jissimbolizza tmiem il-kwalità tal-ħajja tagħna, l-ambjent, id-diċenza, id-demokrazija u l-ġustizzja soċjali.
Din l-hekk imsejħa riforma għandha għan wieħed: li tfarrak lill-individwu komuni u tagħti l-poter kollu lill-iżviluppaturi u lill-awtoritajiet ikkontrollati politikament. Se tiftaħ il-bibien għal żvilupp distruttiv f’ODZs, UCAs, u zoni oħra ta’ importanza soċjali, storika, u kulturali. L-ebda rokna tal-pajjiż mhi se tibqa’ mhux mittiefsa mir-regħba.
Barra minn hekk, iċ-ċittadini se jitilfu l-ftit għodod li għandhom biex jikkontestaw deċiżjonijiet illegali. L-appelli se jsiru aktar diffiċli, u anke l-Qorti se titlef l-awtorità li twaqqaf il-permessi illegali.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni li tnieda wara r-rabja pubblika ta’ Lulju li għadda, meta l-Gvern ipprova għall-ewwel darba jgħaddi dawn il-liġijiet fil-Parlament bil-moħbi, ma jfissru xejn. Il-liġijiet huma strutturalment ħżiena u ma jistgħux jittranġaw. Waqt il-konsultazzjoni li suppost kien hemm għaddejja, il-Gvern beda kampanja ta’ propaganda biex jippromwovi l-liġijiet. Din hija prova ċara li l-intenzjoni tal-Gvern hija li jgħaddi bħal gaffa b’dawn il-liġijiet u jżarma s-salvagwardji kollha tal-ippjanar.
Dawn ix-xewqat tal-iżviluppaturi mlibbsa f’riforma tal-ippjanar mhumiex biss qarrieqa u moralment ħżiena. Huma wkoll insult. Il-pubbliku jaf eżatt x’inhu jiġri.
In-nies huma determinati li jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, għall-kwalità tal-ħajja, u għal futur li ħaqqhom igawdu uliedhom.
Is-Sibt 4 ta’ Ottubru fl-10am se ssir protesta nazzjonali li tibda minn quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta u timxi lejn Kastilja, sabiex titlob l-irtirar immedjat ta’ dawn il-liġijiet proposti.
//= $special ?>