Se jerġa’ jibda mill-ġdid is-servizz postali għall-ittri u dokumenti mibgħuta lejn l-Istati Uniti. Dan wara li l-linji tal-ajru u dawk tal-ġarr tal-merkanzija msieħba mal-MaltaPost neħħew l-embargo fuq il-posta tal-ittri u d-dokumenti lejn l-Istati Uniti.
Dan seħħ wara aġġornament tal-linji gwida relatati mal-Ordni Eżekuttiva li ppubblika l-President tal-Istati Uniti Donald Trump u li primarjament taffettwa d-dħul ta’ oġġetti ta’ valur baxx mingħajr dazju fl-Istati Uniti.
Il-MaltaPost, fi stqarrija, fakkret kif ħafna linji tal-ajru u trasportaturi tal-merkanzija waqfu temporanjament milli jaċċettaw posta internazzjonali diretta lejn l-Istati Uniti, wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ippubblika l-Ordni Eżekuttiva. Dan b’riżultat li MaltaPost ukoll waqqfet taċċetta posta lejn l-Istati Uniti b’konformità ma’ dawn ir-restrizzjonijiet imposti mil-linji tal-ajru.
Fl-istess stqarrija il-Maltapost infurmat lill-pubbliku li l-posta li tasal mill-Istati Uniti lejn Malta tibqa’ mhux affettwata u se tkompli tasal u tiġi pproċessata mill-MaltaPost m’mod normali.
Finalment, il-MaltaPost irringrazzjat lill-klijenti tagħha għall-paċenzja tagħhom matul din l-interruzzjoni temporanja tas-servizz lejn l-Istati Uniti.
//= $special ?>