Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li uża ċertifikat falz tal-‘Food Handling Course’

Raġel li għandu permess ta’ residenza Maltija ġie kkundannat għal sentenza sospiża mill-Maġistrat Charmaine Galea, wara li ammetta li uża ċertifikat falz ta’ “Food Handling Course.” Kishore Poriwar, li għandu permess ta’ residenza Maltija – kien akkużat li nhar il-11 ta’ Settembru 2025 u fix-xhur ta’ qabel fl-Aġenzija Identità, Msida, għamel dikjarazzjonijiet foloz f’dokumenti maħsuba għal awtorità pubblika biex jikseb vantaġġ jew benefiċċju għalih inniffsu.

Huwa ammetta li wettaq falsifikazzjoni oħra u li uża dokument falz, kif ukoll ta informazzjoni falza għall-finijiet tal-Att dwar l-Immigrazzjoni. L-imputat ammetta l-akkużi kontrih u l-Qorti, wara li tat l-opportunità biex jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u spjegatlu l-pieni relatati, sabitu ħati.

Fil-kwistjoni tal-piena, il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati, l-ammissjoni immedjata tal-imputat, kif ukoll il-fatt li l-prosekuzzjoni ddikjarat li l-imputat se jiġi mibgħut lura lejn pajjiżu ġewwa l-Indja. Għaldaqstant, wara li rat l-Artikoli 188 u 189 tal-Kodiċi Kriminali u l-Artikolu 32(1)(c) tal-Kap. 217 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti kkundannat lill-imputat għal tmien xhur priġunerija, liema piena ġiet sospiża għal sentejn,

Il-Qorti spjegat bi kliem sempliċi lill-imputat x’inhu l-effett tas-sentenza u x’jiġri jekk jikkommetti reat ieħor fi żmien sentejn.