Raġel ta’ 39 sena tressaq il-Qorti nhar it-Tlieta mixli b’serq u ħasil ta’ flus relatati ma’ ammont kbir ta’ fondi li allegatament insterqu mill-kumpanija fejn kien jaħdem bħala accountant. L-ammont jaqbeż il-miljun ewro.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, semgħet kif l-imputat – li l-identità tiegħu ma tistax tiġi żvelata minħabba ordni tal-Qorti – qed jiffaċċja akkużi multipli fosthom ta’ ħasil ta’ flus, approprjazzjoni indebita, dikjarazzjonijiet foloz lill-awtorità pubblika, u ffalsifikar ta’ dokumenti.
Barra minn hekk, huwa ġie akkużat ukoll li kiseb flus permezz ta’ qerq, uża ħażin sistemi tal-kompjuter, u pprova jfixkel lil persuna milli tagħti informazzjoni jew evidenza. Il-prosekuzzjoni spjegat li dawn l-allegati irregolaritajiet bdew minn Jannar tal-2023, u skont il-kalkoli inizjali, l-ammont ta’ fondi involuti jaqbeż l-€1.1 miljun.
Il-Qorti laqgħet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda imponiet kundizzjonijiet stretti, fosthom depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €60,000. Barra minn hekk, ġie ordnat iffriżar tal-assi tal-imputat, filwaqt li tħabbret ukoll projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-kumpanija involuta.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Wayne Rodney Borg flimkien mal-avukati Dejan Darmanin u Luigi Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-avukat Roberto Montalto qed jidher għall-imputat.
//= $special ?>