“B’€16-il miljun tista’ tgħin madwar 550 familja jew koppja biex jinfdu fis-suq tal-propjetà”
Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’post fuq il-midja soċjali, meta tenna li bil-flus li l-Gvern Laburista franka lill-Fortina setgħu ġew megħjuna madwar 550 familja jew koppja biex jinfdu fis-suq tal-propjetà.
Alex Borg spjega li fid-diskors tiegħu meta nħatar Kap tal-Oppożizzjoni, huwa saħaq li se jkun qed jirrappreżenta lil kulħadd – xi ħaġa li Robert Abela mhux qed jagħmel.
Huwa spjega wkoll, li meta qara l-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali b’rabta ma’ dan il-każ ftakar fiż-żgħażagħ li tant itennu li hu impossibbli li jixtru post. Fejn anke spjega li wieħed jista’ biss jimmaġina li l-Gvern imur fuq iż-żgħażagħ u jiffrankalhom €100,000.
Alex Borg spjega li kien propju hekk li għamlu ma’ dawk tal-qalba, bi pjaċir frankaw lill-Fortina €16-il miljun – miljuni li setgħu issarrfu f’għajnuna lill-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddikjara wkoll li Gvern Nazzjonalista se jkun qed iwettaq miżuri biex il-flus li jinġiebu lura jitpoġġew fi propjetà affordabbli għaż-żgħażagħ u l-familji tagħna.
