Dik li kellha tkun laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju tal-Verifika dwar dak li seħħ fil-ftehim skandaluż bejn il-gvern u s-sidien tal-Lukanda Fortina spiċċat ma ddiskutietx dan il-ftehim iżda aġġornat biex quddiemha jinġiebu d-dokumenti u l-istimi li kien hemm nieqsa meta l-gvern approva dan il-ftehim.
Il-Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju tal-Verifika tlaqqa’ llum waranofsinhar wara li lbieraħ fil-Parlament kien ippreżentat ir-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali dwar l-għoti ta’ art lil-Lukanda Fortina. Dan ir-rapport sab nuqqasijiet kbar, irregolaritajiet u nuqqas kbir ta’ governanza tajba fil-mod kif fl-2019 il-gvern għadda art lis-sidien tal-Lukanda Fortina f’Tas-Sliema għall-ammont ta’ €8 miljun meta l-valutazzjoni kienet ta’ €24 miljun.
Id-Deputat Nazzjonaista Darren Carabott staqsa jekk id-Deputat Prim Ministru Ian Borg għandux konflitt ta’ interess fuq il-kwistjoni. Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li għandu l-aqwa interess b’risq il-poplu Malti u żied li ma jsibx oġġezzjoni li jittieħed ruling mill-Ispeaker dwar dan il-punt imressaq minn Darren Carabott.
Id-Deputat Prim Ministru qal li din il-laqgħa ssejħet fid-dawl tar-rapport tal-NAO dwar il-Fortina u għax innota numru ta kelliema kif ukoll l-Awditur Ġenerali li speċifika li ma kellux ċertu informazzjoni meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ art lis-sidien tal-Lukanda Fortina.
Ian Borg kompla li l-Awditur Ġenerali issa għandu kopja ta’ dokument/stima li qabel ma kellux u sostna li għandha tintalab kopja ta’ din l-istima li lanqas kienet ingħatat lill-Parlament. Hu qal li hemm ukoll ir-raba’ valutazzjoni u żied li jekk min għamel din il-valutazzjoni lest jgħaddiha lill-kumitat, allura d-diskussjoni għandha twassal biex ikun assigurat li l-prezz f’dan il-ftehim ikun xieraq.
Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-Kumitat Parlamentari għandu t-toqol tar-rapport tal-NAO u għalhekk għandhom isiru kjarifiċi fuq konklużjonijiet li wasal għalihom l-Awditur Ġenerali. Hu nsista li jkun hemm l-azzjonijiet meħtieġa biex din is-sitwazzjoni ma tkunx ripetuta fil-futur u anki spjegazzjonijiet dwar kif ittieħdu ċertu deċiżjonijiet f’dan il-każ. Darren Carabott qal li dan ir-rapport għandu jkun diskuss fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) b’urġenza.
Id-Deputat Prim Ministru qal li jrid jikkonsulta mal-Grupp Parlamentari Laburista għalkemm sostna eventwalment dan il-każ se jkun trattat fil-PAC.
//= $special ?>