Fl-aħħar sigħat Iżrael intensifika l-operazzjoni tiegħu f’Gaza bil-għan li jeqred għal kollox l-infrastruttura militari tal-Hamas.
Dan tħabbar mill-kelliem militari ta’ Iżrael wara lejl ieħor ta’ attakki bla waqfien fuq Gaza; attakki li ħallew tal-anqas 20 persuna mejta – bit-territorju spiċċa maħkum minn nirien qawwi.
Apparti minn hekk, matul il-jum il-qawwiet Iżraeljani komplew javvanzaw f’Gaza bin-numru ta’ truppi mistenni li jiżdied b’mod sostanzjali matul il-jiem li ġejjin. Intqal ukoll li l-operazzjoni hija ppjanata li tkompli b’mod indefinit sakemm Iżrael jirrenja fuq il-Hamas.
Fl-aħħar ħinijiet, komplew l-appelli sabiex dawk iċ-ċivili li għadhom qed jokkupaw iz-zona jevakwaw minnufih għas-sigurtà tagħhom. Iżda kollox qed jindika li huwa kważi impossibbli li wieħed jevakwa lejn in-naħa t’isfel ta’ Gaza.
Fi żviluppi oħra, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Marco Rubio jinsab fuq żjara fil-Qatar wara li matul il-ġimgħa li għaddiet Iżrael attakka t-tmexxija tal-Hamas li preżentament tinsab hemmhekk. Dan apparti li Iżrael m’eskludiex li jwettaq aktar attakki matul il-ġimgħat li ġejjin.
Rapporti qegħdin jgħidu li Rubio qed jittama li l-Qatar jibqa’ medjatur fil-kunflitt tal-Lvant Nofsani bil-President tal-Istati Uniti Donald Trump rrefera għal Qatar bħala alleat b’saħħtu tal-Istati Uniti.
Rapporti internazzjonali qalu wkoll li l-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Palestina… sostniet li Iżrael qed iwettaq ġenoċidju f’Gaza bil-qtil ta’ eluf ta’ ċivili sa mill-bidu ta’ dan il-kunflitt. Din hija propju l-ewwel darba li saret stqarrija bħal din minn entita fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti – b’Iżrael jiċħad b’mod assolut din l-allegazzjoni.
Minn naħa tagħha l-Kummissjoni qalet li Iżrael kiser erba’ minn ħames atti fil-Konvenzjoni tal-Ġenoċidju; bin-numru ta’ vittmi sa mill-bidu tal-kunflitt issa qabeż il-65,000 persuna.
//= $special ?>