L-anzjan mixli bi qtil doppju qal li dak li għamlu, għamlu fis-saħna tal-mument. Huwa qal lill-investigaturi li nidem xi sagħtejn wara li wettaq il-qtil iżda qal ukoll fl-istqarrija li minkejja li ma kellux il-ħsieb li joqtol lil xi ħadd ieħor fuq il-post tad-delitt, kieku ressqu lejh membri tal-familja tal-vittmi jaf li kien joqtolhom ukoll.
Il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-qtil doppju fil-Baħrija kompliet tinstema’ bil-Qorti tisma’ kemm xhieda ta’ uffiċjali tal-pulizija kif ukoll qassis u psikjatra. L-akkużat Carmelo Ciantar, magħruf bħala “id-Durga” ta’ 72 sena minn Ħaż-Żebbuġ, qed jaffaċċja akkużi gravi fosthom omiċidju volontarju wara li allegatament qatel lil Dennis Mifsud ta’ 51 sena mis-Siġġiewi u lil Toni Agius ta’ 57 sena mir-Rabat.
Fil-proċeduri ħarġu fid-dawl partijiet mill-istqarrija li Ciantar ta lill-Pulizija, fejn ammetta li fil-mument tas-saħna tad-demm wettaq dak li sejjaħ “l-iżball tiegħu” u qal li wara sagħtejn beda jindem. Huwa anki qal lill-investigaturi li kien se jneħħi ħajtu u anke pponta lejn il-parkeġġ tal-PAMA fil-Mosta bħala l-post fejn kien qed jikkunsidra jagħmel suwiċidju. Qal ukoll li hu kien qabbad in-nar b’idejh billi uża lighter.
L-Ispettur Cheyenne Mangion spjegat kif mill-investigazzjonijiet tagħha nstab li l-akkużat kien diġà qal lill-pulizija li kien “minuta ’l bogħod” milli jwettaq il-ħsieb li jneħħi ħajtu, iżda fl-aħħar mill-aħħar ma għamilx hekk. Ix-xhud irrimarkat ukoll li Ciantar qal lill-pulizija “tfajtuni f’infern,” filwaqt li ammetta li ma kienx ħass l-ebda rimors fil-ħin tal-isparaturi, imma kollox “għaddielu wara sagħtejn.”
Ix-xhud qalet li l-akkużat qalilhom; “Jien se nieħu t-tort għax jien għamiltu l-iżball. Qal li Dennis kien lest li jappoloġizza miegħu imma ma’ Toni le u li xi darba jgħid għaliex, imma qatt ma qal xejn. Tenna li kienu għaddejjin sew imma daħal ix-xitan u nbidel kollox. Qal ukoll lill-Pulizija li ta’ spiss kien jiġġieled mal-partner tiegħu.
“Fis-saħna tad-demm tagħmel kollox kien qal ta’ spiss lill-Pulizija. L-Ispettur Chayenne Mangion qalet fil-Qorti li meta marru l-Mosta l-Ispettur Kurt Colombo Zahra qallu “salvajnik”, bl-akkużat jgħid minuta kien baqa’ u qal ukoll – “tfajtuni f’infern”. Beda jagħti x’jixhem li ried ineħħi ħajtu b’idejh.
Dwar il-munizzjon li kien għad fih is-senter, ix-xhud Mangion fehmet li kien għad baqa’ minuta biex jasal għal vann u wara, dejjem kif fehmet hi kien se jasal biex ineħħi ħajtu. Lill-kollega tagħha qallu li kien se jneħħi ħajtu fil-PAMA stess u li t-tfal jinsew, b’referenza għall-fatt li fil-post kien hemm xi tfal dak il-ħin.
Ix-xhud saħqet, anke fuq diversi mistoqsijiet tal-Avukat difensur Franco Debono li imma dan saret tafu mill-kollegi tagħha. Madankollu kienet hemm meta sabuh jiekol il-PAMA fil-Mosta u li qabel kienet ukoll il-Mellieħa.
Tenniet li dak il-ħin kien ikkopera mal-Pulizija u qalilhom biex joqogħdu attenti għaliex is-senter fil-vann tiegħu kien ikkargat. “Dak kien id-destin tiegħi huwa qal fl-istqarrija”. Fil-bidu tax-xhieda tagħha l-Ispettur Mangion qalet li kienet ukoll informata dwar il-qtil doppju u li marret fuq il-post fejn ix-xena kienet waħda preservata u kien hemm tliet karozzi.
Fil-Hyundai Atos rat il-ġisem ta’ Anthony Agius u fil-vann il-ġisem ta’ Dennis Mifsud. Hemm rat ukoll xi dokumenti mqattgħin. Meta kien mitkellem l-akkużat ammetta li bint Anthony Agius u qalilha “qtilt lil missierek u lil zijuk.” Qalet ukoll li hi u l-Ispettur Stephen Gulia kienet qed taħdem fuq il-lokalizzazzjoni tal-akkużat u li għall-ewwel kien qalihom meta ċemplulu li kien jinsab Birżebbuġa, fatt li ma kienx minnu.
Qalet ukoll li dakinhar tal-qtil magħhom kien hemm ukoll l-Ispettur Wayne Zahra Colombo, li f’ħin minn telaq minn fuq ix-xena tad-delitt. Qalet li dak il-ħin bdew jiġu mitkellma xi nies li ħarġu xi fatti. Maria Parnis kienet l-ewwel waħda li marret fuq il-post u marret fil-knisja u ċemplet għall-ambulanza.
Membri tal-familja kkonfermaw mal-Pulizija kif l-akkużat ċempel lil partner tiegħu u qalilha “qtilthomlok” u li ma tantx kellhom relazzjoni tajba miegħu. Fuq talba tad-difiża, xehed ukoll il-psikjatra Anthony Zahra, li ġie appuntat mill-Qorti biex jeżamina lill-akkużat. Huwa sostna li diġà beda xogħol fuq il-każ iżda għadu jeħtieġ iktar żmien qabel ma jasal għal konklużjonijiet dwar l-istat mentali ta’ Ciantar. Qal ukoll li ma jara l-ebda bżonn li jinħatru esperti oħra f’dan l-istadju.
Il-Qorti semgħet ukoll xhieda tal-qassis Joseph Henry Abela li kien preżenti fil-Baħrija u rrakkonta kif ġie avżat minn mara li kien hemm persuna mimduda fl-art u kif ikkonferma mal-Pulizija dak li ra meta ħareġ minn fuq iz-zuntier u mar fil-post.
Diversi uffiċjali tal-pulizija rrakkontaw ukoll l-intervent tagħhom, fosthom is-Surġent Joseph Gatt li qal li sab lil Michael Spiteri fuq il-post, li kien diġà jinsab f’riskju meta niżel biex jgħin, u s-Surġent Gary Scerri li spjega kif ikkomunikaw mal-akkużat li kien qed jinsisti li kien Birżebbuġa meta fil-fatt kien fil-Mosta.
Skont ix-xhieda tiegħu, l-akkużat ammetta magħhom li lil wieħed sparalu f’rasu u lil ieħor sparalu minn bil-wieqfa, filwaqt li qalilhom ukoll li kellu l-Covid u għalhekk ittieħed fil-poliklinika tal-Floriana. L-Ispettur Cheyenne Mangion spjegat fit-tul li fuq il-post tal-qtil instabu żewġ karozzi, waħda Hyundai Atos li fiha nstab il-ġisem ta’ Toni Agius u ieħor fil-vann – li fih instab Dennis Mifsud, bilqiegħda fis-seat tax-xufier..
Qalet ukoll li l-akkużat kien ċempel lil bint Agius u qalilha “qtilt lil missierek u lil zijuk,” filwaqt li ċempel ukoll lil partner tiegħu stess biex jgħidilha “qtilthomlok.” Membri tal-familja kkonfermaw li r-relazzjoni tal-akkużat ma’ dawn il-familjari kienet problematika.
Ciantar qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha kontrih, fosthom li qatel b’mod volontarju ż-żewġ vittmi u li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja. Huwa qed jiġi difiż mill-avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Francesca Zarb.
Il-familja ta’ Dennis Mifsud qed tkun rappreżentata bħala parte civile mill-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li l-familja ta’ Toni Agius qed tkun rappreżentata mill-avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud u David Chetcuti Dimech.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Anthony Vella, assistit mill-Ispetturi Kurt Colombo Zahra, Wayne Camilleri u Cheyenne Mangion.
Il-kumpilazzjoni se tkompli tinstema’ fil-21 ta’ Ottubru f’nofsinhar.
//= $special ?>