Lokali Parlament

Is-sigurtà fit-toroq trid tkun trattata b’mod sħiħ

Mark Anthony Sammut, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthnoy Sammut sostna fil-parlament li s-sigurtà fit-toroq trid tkun trattata b’mod sħiħ.

Meta kien qed jitkellem fil-parlamnet, Mark Anthony Sammut qal li fl-2016, il-Gvern nieda Strateġija Nazzjonali għat-Trasport li kellha l-għan li tnaqqas in-numru ta’ fatalitajiet fit-toroq bin-nofs sal-2030. Din l-istrateġija kellha wkoll tnaqqas in-numru ta’ dawk li jindarbu serjament f’inċidenti tat-traffiku bi 30% u dawk li jweġġgħu ħafif b’20%.

Il-verità hi li ninsabu ferm ’il bogħod milli nilħqu dawn il-miri. Filwaqt li fl-2015 kellna 17-il fatalità, fl-2022 kellna 26 fatalità u fl-aħħar sentejn kellna total ta’ 29 fatalità. Din is-sena, li għadna f’nofsha, sfortunatament diġa’ kellna 12-il fatalita fit-toroq, daqs kemm kellna tul is-sena l-oħra kollha.

Aħna ilna nħossu li din saret problema nazzjonali u hemm bżonn ta’ azzjoni nazzjonali.

Hu qal li f’Jannar il-PN ippropona infurzar effettiv tar-regoli tat-traffiku li jneħħi mit-toroq tagħna xufiera abbużivi, pieni aktar ħorox u sospensjonijiet ta’ liċenzji lil min jiġi stabbilit li kkawża inċidenti li fihom iweġġgħu jew saħansitra jmutu n-nies u kampanji ta’ edukazzjoni dwar ir-rispett bejn kull min qed juża t-triq, karozzi, muturi, roti, u min qed jimxi. Dan flimkien ma’ infurzar ta’ miżuri ta’ sigurtà fejn ikunu qed isiru xogħlijiet fit-toroq, rapport ta’ esperti dwar id-disinn ta’ toroq fejn qed jiġu ripetuti ħafna inċidenti, u inċidenti serji, u kif dawn jistgħu jitjiebu, fosthom Triq Anton Buttiġieġ, iż-Żejtun u t-twaqqif tat-Transport Safety Investigative Commission li kienet ġiet imwiegħda u li tkun tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet biex ċerti inċidenti ma jirrepetux ruħhom.

 Ir-reazzjoni tal-Gvern kienet li Malta għandna l-iżjed toroq siguri.

F’April il-PN organizza wkoll Djalogu Nazzjonali dwar it-trasport iżda l-gvern baqa’ bla reazzjoni. L-unika ħaġa li kien jgħid il-gvern kienet li għandna l-iżjed toroq siguri fl-Ewropa.

F’Lulju il-PN għamel konferenza stampa fejn elenka dawn il-punti iżda l-gvern baqa’ bla reazzjoni.

Meta rajna l-Gvern qed jibqa’ passiv u rasu fir-ramel fuq din il-problema, tliet ġimgħat ilu ħabbarna li se nkunu qed inressqu propju abbozz ta’ liġi li jindirizza din il-problema, tas-sigurta fit-toroq, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Din trid tkun indirizzata fuq l-infurzar, l-edukazzjoni u l-leġislazzjoni iżjed ħarxa fejn jidħol sewqan traskurat u perikoluż.

Ftit ġranet wara, il-Gvern propju ħabbar l-istess ħaġa. Pero fir-reazzjoni mgħaġġla u reattiva tal-Gvern biex jidher qed jagħmel xi ħaġa, għal darboħra qed tintilef opportunità. Minflok ma nindirizzaw il-problema b’mod sħiħ, qed nindirizzaw biss parti minnha.

Mark Anthony Sammut kompla li l-abbozz ta’ liġi li mhuwix abbozz dwar siogurtà fit-toroq iżda hu abbozz biss dwar sewqan taħt l-effett tas-sustanzi, xorb jew droga. Daqshekk biss; bħallikieku l-perikli fit-toroq ġejjin biss mis-sewqan taħt l-effett tas-sustanzi. Hu veru li din saret problema kbira.

Imma l-problema ma tieqafx hemm biss.

Dan l-abbozz huwa għal kollox sieket fuq sewqan traskurat u perikoluż, fejn mhemmx sustanzi involuti. Kellna każi ta inċidenti minħabba sewqan perikoluż, fejn ma kienx hemm droga.

Fl-2010, xufier kiengħaddej bil-110km/h, daħal f’karozza u qatel omm ta’ tifel ta’ sena. X’weħel? €80 multa, liċenzja sospiża għal tliet snin u 300 siegħa servizz lil komunità.

Fl-2016, ieħor għaddej bil-110km/h fuq il-front tal-Gżira, itajjar mara taqsam fuq iz-zebra crossing u jħallieha bi 80% dizabilita permanenti. X’weħel? disa’ xhur ħabs u tliet snin sentenza sospiża.

F’dawn iż-żewġ każi, dan l-abbozz ma jagħmel xejn għax ma kienx hemm sustanzi involuti.

Il-messaġġ li qed jiibgħat il-gvern llum hu ‘tqażżu kemm tridu bil-karozzi, suqu bil-120km/hr minn toroq residenzjali, basta ma tixorbux jew tiġbdu linja qabel’.

Il-messaġġ li rridu nibagħtu aħna mhuwiex dak. Il-messaġġ li rridu nibagħtu aħna huwa daqshekk qżież fit-toroq; la jekk xrobt, la jekk ġbidt linja kokaina, la jekk iddaħħant bil-ħaxixa u lanqas jekk ma ħadt xejn.

Il-periklu fit-toroq mhuwiex biss is-sustanzi imma anki minn min jgħaddi jwerżaq it-tyres qisu qiegħed fit-trakk minn triq residenzjali u jweġġa’ lil xi ħadd jew minn min iweġġa’ lil xi ħadd għax ma felaħx jistenna biex jibgħat messaġġ bil-mobile.

Mark Anthony Sammut qal li dawn huma kollha fatturi aggravanti li jfissru traskuraġni kbira u perikoluża fi-sewqan u li jekk riżultat tagħhom toqtol jew tkorri lil xi ħadd, għandek tħallas il-prezz tal-ġustizzja.

Dik hija l-ikbar differenza bejn il-proposti holistika li għamel il-Partit Nazzjonalista f’dawn il-ġimgħat u dak li ressaq il-gvern.

Hu kompla li l-liġi ma tagħmel xejn u ma tħarrax l-ebda piena fejn flok toqtol, tkorri lil xi ħadd. Dan l-abbozz, ma jagħmel xejn biex iħarrax il-pieni għal min bi qżież tefa’ bniedem f’sitwazzjoni gravi; għax ma qatlux. Għall-PN ż-żewġ riżultati kissru l-ħajja ta’ bniedem u ta’ familtu. Kemm jekk spiċċa mejjet u kemm jekk spiċċa b’diżabilità permanenti.

Il-PN qed jipproponi reat kriminali ġdid kif diġà seħħ f’pajjiżi oħra fejn jiddaħħal reat kriminali speċifiku ta’ qtil jew ikkawżar ta’ ġrieħi gravi minħabba negliġenza serja, nuqqas ta’ kont jew sewqan perikoluż, liema reat iġorr piena minima ta’ ħames snin ħabs effettivi u li tista’ titla’ sa għomor ħabs jekk ikun hemm fatturi aggravanti.

Il-Prim Ministru qal li qed inkunu drakonjani, sproporzjonati u dawn jibqgħu wara kollox qtil involontarju. Aħna ma naqblux mal-Prim Ministru, sostna Mark Anthony Sammut.

Il-karozza hija arma u min mhux kapaċi jirrispetta l-fatt li qed juża arma u li mgħandux jużaha b’mod irresponsabbli, mhux postu fit-triq. Jekk xi ħadd joħroġ b’machine gun, jispara fuq il-faċċati tan-nies, u xi bullet tolqot lil xi ħadd, tiġix tgħidli li miskin qatel b’mod involontarju. L-istess min jitqażżeż bil-karozza, min jixrob jew jiġbed linja u jmur wara steering, min juża l-mobile waqt li qed isuq, min jgħaddi bil-200 km/h mingħalih qiegħed fit-trakka jew min jgħaddi riħ minn xi triq residenzjali.

Il-PN irid Ii dan ikun reat kriminali ġdid. Min joqtol jew ikorri lil xi ħadd għax ikun perikoluż b’dan il-mod, għandu jkollu sentenza effettiva ta’ priġunerija, u multi kbar. Kif hemm f’pajjiżi oħra. Hemm dan ir-reat l-Italja, l-Awstralja, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja.

Jekk ikun hemm fatturi aggravanti, jiġifieri jagħmel iżjed minn waħda minn dawn, jew jibqa’ sejjer hit-and-run, jew din hi t-tieni darba li qed iweġġa jew joqtol lil xi ħadd fit-triq, il-pieni jistgħu jibqgħu telgħin għad-diskrezzjoni tal-Qorti, anke sa għomor ħabs.

L-għan tal-PN huwa wieħed; inneħħu l-qżież mit-toroq. Inġibu t-toroq tagħna iżjed siguri. Iktar siguri għal min isuq, iktar siguri għal min jimxi, għal min juża rota, għal min juża mutur, għal kulħadd. L-għan tal-Gvern jidher li hu biss li jidher qed jindirizza aspett wieħed u fil-każ eċċezzjonali biss ta’ meta dan jikkawża fatalità, għax fl-opinjoni tiegħi qed ipoġġi l-voti qabel il-ħajjiet tan-nies. Dan huwa għajb.

Il-PN mhuwiex kontgra dak li qed jiddaħħal f’din il-liġi. Però qed nitilfu opportunità kbira li nagħmlu ħafna u ħafna iżjed u kif appellajna tul din l-aħħar sena, nindirizzaw is-sigurtà fit-toroq b’mod aktar sħiħ.