Jaqbel mal-NAO li kien hemm kuntradizzjoni
Skont xhieda li d-Deputat Prim Ministru Ian Borg ta lill-Awditur Ġenerali – huwa kien konxju tal-eżistenza tar-rapport ta’ valutazzjoni li nħadem wara dak li ġie ppreżentat lill-Kabinett.
Minkejja li tul il-jum tat-Tlieta saħaq tal-inqas tlett darbiet li hu ma kienx konxju tiegħu – darbtejn mal-mikrofonu ta’ Net News kif ukoll waqt il-laqgħa ta’ kumitat tal-verifika – Ian Borg ta x’jifhem mal-NAO li kien konxju bl-eżistenza ta’ dan ir-rapport.
Dan hekk kif l-Awditur Ġenerali spjega f’paġna 116 tar-rapport dwar id-deal tal-Fortina, li l-Minsitru, dak iż-żmien responsabbli mill-Proġetti Kapitali – indika li kien inċert meta sar jaf b’dan ir-rapport ta’ valutazzjoni – jekk hux qabel jew wara Lulju tal-2019.
Għal kuntrarju ta’ dak li spjega mal-media tul il-jum tat-Tlieta, il-Minsitru spjega li malli sar jaf huwa talab liċ-Chairman tal-Awtorità tal-Artijiet għal spjegazzjoni – bil-Ministru Ian Borg jisħaq li ntqal kif dan ir-rapport kien ikkummissjonat u li kellu difetti kbar…madanakollu fl-istess ħin qalulu li ma kellux jagħti kasu u li kien għadu mhux lest.
Biċ-Chairman jgħidlu li l-aħjar ikomplu fuq il-valutazzjoni primarja…ċioè tal-bejgħ ta’ €8 miljun…
Hawnhekk l-Awditur Ġenerali saħaq li la darba l-valutazzjoni ntqal lilu li kellha diversi żbalji – kienet eżistenti u għalhekk hija kontradizzjoni kbira li ma kinitx teżisti – b’Ian Borg jaqbel.
Għaldaqstant inevitabbilment tasal id-domanda kif il-Ministru qed jgħid li ma kienx jaf bir-rapport meta xehed li kelmuh dwaru….u għal liema raġuni ma talabx li jrid jarah 5 snin ilu…meta issa jixtieq jarah b’urġenza.
