Lokali

Konferenza Nazzjonali dwar il-Prevenzjoni tas-Suwiċidju

Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Settembru 2025 inżammet konferenza nazzjonali dwar il-prevenzjoni tas-suwiċidju. Il-konferenza nfetħet b’messaġġ emozzjonali minn Grazielle Camilleri, li qasmet l-esperjenza personali tagħha dwar it-telfa ta’ ħabib tagħha.

Grazielle stqarret li l-ikbar dispjaċir kien li ħadd ma kellu idea li kien se jagħmel dan il-pass traġiku, minkejja li l-familja tagħha kienu għenuh finanzjarjament. Bid-dmugħ f’għajnejha, appellat biex kulħadd ikun aktar attent u qrib ta’ dawk ta’ madwarna.

Il-fundatur ta’ Crisis Resolution Malta, Mark Xuereb, sejjaħ għal minuta ta’ silenzju f’ġieħ dawk li tilfu ħajjithom b’suwiċidju, ħolqien ta’ mument ta’ rispett u riflessjoni profonda li għaqqad lill-parteċipanti kollha.

Fid-diskors tiegħu, Mark Xuereb qal li “ħadd qatt ma qal li l-ħajja m’għandhiex sfidi, imma l-aktar ħaġa importanti hi li jkollna għajnejn, widnejn u qalb” – sinjal tal-importanza tal-kompassjoni u l-empatija lejn xulxin. Huwa semma wkoll fatturi ta’ riskji ġodda li l-istudji moderni qed jidentifikaw fosthom: sens li tħossok intrappolat, disturbi emottivi, tqanqil eċċessiv u iżolament soċjali li jistgħu jindikaw stati ta’ kriżi imminenti.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Denis Vella Baldacchino, tkellem dwar il-bżonn li l-kura mentali tibda mill-iskejjel. Huwa tenna li l-edukazzjoni u l-għajnuna bikrija huma kruċjali biex jiġu evitati kriżijiet akuti u biex jiġu megħjuna diversi individwi f’mumenti ta’ vulnerabbiltà.

Mark Xuereb enfasizza kif il-prevenzjoni tas-suwiċidju għandha tkun proattiva u bbażata fuq evidenza xjentifika. Huwa sejjaħ ukoll għal aktar kollaborazzjoni biex inkomplu naħdmu għall-prevenzjoni tas-suwiċidju f’Malta.

Il-Professur Seena Fazel, mill-Università ta’ Oxford, ippreżenta studju avvanzat ippubblikat fil-British Medical Journal of Mental Health dwar il-mudell OxSATS, li jbassar ir-riskju ta’ suwiċidju wara każi ta’ self-harm. Dan il-mudell, ibbażat fuq 11-il fattur ta’ riskju u data ta’ popolazzjoni wiesgħa, jgħin biex jiġi identifikat min hu l-aktar vulnerabbli. Il-Professur Fazel huwa awtorità internazzjonali fuq il-prevenzjoni tas-suwiċidju u l-mudell tal-assessjar tar-riskju propost minnu huwa bbażat fuq l-aħħar riċerka xjentifika.

Il-Professur Fazel saħaq li dawn l-għodod moderni ta’ assessjar jistgħu jnaqqsu ħafna imwiet traġiċi billi jagħtu lit-tobba u l-professjonisti tas-saħħa mentali mod aktar preċiż u effettiv biex jidentifikaw u jintervjenu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Apparti l-importanza ta’ assessjar aktar preċiż, il-Professur Seena Fazel saħaq fuq l-importanza ta’ safety planning, peress li kull punteġġ ta’ riskju jimmerita attenzjoni f’waqtha.

Il-parteċipanti ħadu sehem attiv fil-preżenza tal-Professur Seena Fazel fejn staqsew mistoqsijiet u qasmu t-tħassib tagħhom, fosthom dwar ir-realtà tas-self-harm fost it-tfal u l-istudenti, kif ukoll l-impatt negattiv li t-telfa ta’ sħabhom b’suwiċidju tista’ tħalli fuq il-klassi jew il-grupp ta’ ħbieb.

Waqt il-konferenza ġie mħabbar ukoll li Crisis Resolution Malta ser tkun qiegħda tagħmel aġġornament tal-KriżiApp, li ser jkun jisimha KriżiPlusV2, biex tipprovdi aktar assistenza fil-mument tal-bżonn.

Il-konferenza ntemmet fuq nota ta’ solidarjetà u tama, b’Mark Xuereb ifakkar lill-preżenti biex jixegħlu xemgħa għal dawk li tilfu ħajjithom u biex kull konverżazzjoni u kull intervent ikun pass lejn futur fejn is-suwiċidju jsir dejjem aktar evitabbli.