Lokali

“L-iskandlu tal-Fortina jikkonferma s-sistema korrotta tal-Gvern Laburista” – Repubblika

Fi stqarrija l-Għaqda Repubblika tinnota b’rabja l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-ftehim dwar l-art tal-Fortina. U saħqu li dan ir-rapport jikkonferma dak li l-pubbliku ilu jaf: li l-gvern ta’ Joseph Muscat xjentement immina l-proċeduri biex jgħaddi l-ġid komuni lil kapitalisti ħbieb tiegħu.

L-Għaqda qalet li r-rapport importanti ta’ stima tal-valur tal-art inħeba biex is-sidien tal-Fortina setgħu jħallsu anqas u jdaħħlu aktar flus fi bwiethom.

L-istqarrija kompliet tisħaq mill-ġdid li Keith Schembri reġa’ tfaċċa fiċ-ċentru tal-manipulazzjoni, waqt li l-Prim Ministru Robert Abela jkompli jiddefendi lil Muscat.

Fl-istqarrija Muscat kien qabeż direttament mill-uffiċċju tal-prim ministru għal ġo l-uffiċju tas-sidien tal-Fortina taparsi sar konsulent tagħhom. L-istess kif għamel fil-każ tal-Vitals. B’Repubblika jgħidu li hu leġittimu li wieħed jissuspetta li Muscat kien qed jiġbor il-premju għal imġiba korrotta.

Huma komplew li r-rapport jikkonferma wkoll li James Piscopo, allura uffiċjal f’pożizzjoni pubblika għolja, ammetta li ta lill-Fortina informazzjoni minn ġewwa waqt li dawn kienu qed jinnegozjaw mal-gvern.

Dan apparti li komplew jisħqu li l-iskandlu juri wkoll il-qrubija velenuża bejn in-negozji l-kbar u l-Gvern. B’Repubblika tgħid li l-familja Zammit Tabona, sidien tal-Fortina, huma donaturi famużi tal-Partit Laburista u din hi l-verżjoni Maltija ta’ Tangentopoli: parti mill-qliegħ kummerċjali mill-pjaċiri tal-gvern titħallas f’donazzjonijiet lill-partit.

Il-konsegwenzi huma reali. Il-korruzzjoni f’dan il-każ baxxiet il-valur tal-lukandi fil-qrib u n-negozji fiz-żona tal-Fortina, dgħajfet il-bilanċi finanzjarji tagħhom, u qerdet il-level playing field ekonomiku. Minn fuq li jbatu l-konsegwenzi tal-iżvilupp esaġerat u l-iffullar f’Tas-Sliema, dawk li jħallsu t-taxxi nġegħluhom jissussiddaw il-profitti tal-ftit.

Dan l-iskandlu jfakkarna fl-ispiża umana. Is-sidien tal-Fortina kienu involuti direttament fid-detenzjoni illegali tal-migranti waqt il-COVID. Fil-beraħ iddeskrivew il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema bħala “kommuniżmu”. Dawn huma n-nies li l-gvern tagħna ra kif għamel biex jgħinhom jistgħanew aktar.

Il-każ tal-Fortina mhux eċċezzjoni – hu parti minn sistema. Din hi s-sistema li biha Muscat, Schembri, Piscopo u ta’ madwarhom ħatfu l-istat biex jistgħanew huma u sħabhom. Din hi s-sistema li Robert Abela jkompli jiddefendi.

Repubblika titlob lill-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali jaġixxu mingħajr aktar dewmien, għax m’hemm ebda skuża kif għal darb’oħra b’wisq anqas poteri milli għandhom huma, l-Awditur Ġenerali sab il-provi li l-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għamlu snin jiskartaw. 

Dan apparti appell biex il-Prim Ministru jieqaf jiddefendi l-indifensibbli, bl-istqarrija tagħlaq li Malta ma tistax timxi ‘l quddiem waqt li dawk li wettqu u dawk li qed jaħbu korruzzjoni ta’ dan id-daqs u dan l-impatt jibqgħu jgawdu l-impunità.