“Ġejt hawn bħala l-President tal-Parlament Ewropew imma wkoll bħala bint il-Mediterran.”
Saħqet dan l-MEP tal-Partit Nazzjonalista u President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola waqt diskors li għamlet f’konferenza li saret f’Messina, fi Sqallija.
Roberta Metsola qalet li Malta dejjem kellha rabtiet b’saħħithom ma’ Sqallija, fosthom Messina. Semmiet kif meta Messina ġiet devastata mit-terremot tal-1908, li qatel għexieren ta’ eluf ta’ nies, Malta ngħaqdet biex tibgħat għajnuna urġenti. Diversi tobba, spiżjara, voluntiera Maltin telgħu biex jagħtu l-għajnuna tagħhom waqt li diversi Maltin għenu fil-bini mill-ġdid tal-belt.
Il-President Metsola qalet li dan ġara qabel it-twelid tal-Unjoni Ewropea imma dik kienet diġà turi s-solidarjetà fl-azzjoni li ffurmat il-bażi tal-Unjoni. Saħqet kif anke l-iżgħar gżira fl-Ewropa kienet kruċjali biex tat il-kontribut tagħha biex tgħin il-qofol tal-Unjoni Ewropea li ngawdu llum.
Hija qalet li bħal Malta, Sqallija tinkorpora l-aktar spirtu awtentiku tal-Unjoni Ewropea billi iħt-tnejn jinsabu f’salib it-toroq ta’ kulturi u skambji bejn il-popli u tradizzjonijiet li għenu biex tinħoloq l-identità Ewropea.
Il-konferenza ffukat fuq il-ħidma kontra l-kriminalità organizzata. Waqt id-diskors tagħha Metsola sellmet lil dawk kollha li saħansitra taw ħajjithom biex jiġġieldu kontra l-kriminalità, fosthom membri tal-ġudikatura, membri ta’ korpi dixxiplinarji u ġurnalisti, b’referenza partkolari għal Daphne Caruana Galizia li xahar ieħor tagħlaq tmien snin mill-assassinju tagħha.
//= $special ?>